"Iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena se jagħmlu d-differenza huma wkoll meta fil-11 ta’ April se jmorru jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Hija ħasra li l-istess żgħażagħ li se jmorru jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Lokali mhux se jitħallew jivvutaw ukoll fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa."
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’laqgħa ma’ numru kbir ta’ żgħażagħ barra l-Junior College fl-Imsida. Simon Busuttil, imdawwar biż-żgħażagħ, spjega l-importanza li ż-żgħażagħ imorru jivvutaw fil-11 ta’ April u ħeġġiġhom biex jivvutaw lil żgħażagħ bħalhom li għamlu l-pass li jidħlu fix-xena politika biex jagħtu servizz.
Hu qal, "Li kien għal Joseph Muscat, iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena ma kienux se jivvutaw għaliex filwaqt li legalment tahom il-vot, ried li jeħdilhom l-elezzjoni. Fil-fatt, kien biss grazzi għall-pressjoni u l-insistenza tal-Oppożizzjoni li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru."
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista għall-ħidma tiegħu bil-kampanja #BeTheChange – messaġġ ċar għaż-żgħażagħ li bil-vot tagħhom jistgħu verament ikunu l-bidla, din id-darba fuq livell lokali. Minbarra fil-Junior College, l-MŻPN qed ikun preżenti fl-MCAST, il-Higher Secondary u anke l-ITS.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jawgura lill-kandidati żgħażagħ kollha f’din il-kampanja elettorali u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex fil-11 ta’ April joħorġu u jesprimu l-opinjoni tagħhom fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Kważi nofs il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għandhom anqas minn 40 sena. Dan in-numru jikkonferma l-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista, li qed jattira nies ġodda li ħafna minnhom huma żgħażagħ.