Bonus li ser igawdu minnu mal-200,000 ruħ
Il-prim ministru qal dan waqt attivita taħt it-tinda f'Buġibba
minn John Busuttil
"Dan il-Gvern m’għamilx bħal dak ta’ qablu u ta kumpens għall-għoli tal-ħajja u waqaf hemm, iżda qed jagħti One time bonus, apparti l-kumpens tal-għoli tal-ħajja, li minnu se jgawdu mal-200,000 li ma bbenefikawx mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul."
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalista ta’ ONE Paula Cauchi f’attività politika taħt it-tinda fil-Qawra, San Pawl il-Baħar.
Il-Prim Ministru spjega kif dan il-bonus huwa wieħed mhux taxxabli ħalli l-Gvern mhux jagħtik min-naħa u jeħodluk min-naħa l-oħra, iżda dawn il-flus se jmorru kollha fil-bwiet tal-familji. Joseph Muscat saħaq li dan il-bonus mhux qed iħallsuh l-employers iżda qed iħallsu l-Gvern, filwaqt li tenna kif dan il-Gvern ser jgħin lil dawk li huma biezla u lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna u mhux lil dawk il-persuni li ma jridu jagħmlu xejn. Il-Mexxej Laburista fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħa fiċ-ċentru ta’ Malta kien qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jmur tajjeb għax qed ikun iebes fil-konfront ta’ min jabbuza u kien appella lil dawk in-nies ta’ quddiemu biex jieħdu vantaġġ ta’ dan għax dawn in-nies ikunu rrabjati għal Gvern.
"Aħna kull iniżjattiva li qed noħorġu biha qed ngħaqqduha u mhux qed nagħtu l-għajnuna għalxejn, stqarr il-Prim Ministru filwaqt li semma bħala eżempji kif is-single mothers qed ikunu inċentivati joħorġu jaħdmu filwaqt li jirċievu l-benefiċċji u ż-żgħażagħ li qed jieħdu l-għajnuna filwaqt li qed jitħarrġu biex eventwalment joħorġu jaħdmu."
Dwar is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin, il-Mexxej Laburista tenna li f’dan il-qasam huwa mhuwiex sodisfatt u semma kif huwa mhux ser joqgħod jgħid bħal Beppe Fenech Adami li huwa sodisfatt bit-toroq fil-Mosta, iżda li għad fadal xi jsir fil-Mosta u fi mkejjen oħra madwar Malta u Għawdex. Joseph Muscat tkellem fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta u semma kif tgħaddi x’ħin tgħaddi tara li għaddej ix-xogħol filwaqt li saħaq li ma bediex ix-xogħol fuq il-junction tal-Kappara sabiex ma jkunx hemm aktar inkonvenjenti fl-istess ħin li qed isir ix-xogħol fi Triq il-Kosta. Il-Prim Ministru sostna li bħalissa l-Gvern qiegħed jeżamina modi ġodda kif ikun involut il-privat fil-manutenzjoni tat-toroq, ħalli mhux isiru toroq ġodda li wara 4 -5 snin ikun hemm bżonn mill-ewwel li jerġgħu jsiru.
Il-Mexxej Laburista għamel ukoll referenza għall-ħtieġa ta’ aktar spazju fuq il-bajjiet, li huwa ilment komuni u semma kif mis-sajf li ġej se jsiru żewġ pjattaformi flimkien mal-privat f’żewġ bajjiet sabiex jiżdied l-ispażju. Dwar is-settur turistiku, Joseph Muscat stqarr li minkejja li sejrin tajjeb hemm bżonn dejjem aktar turisti filwaqt li semma kif dan il-Gvern permezz ta’ diversi avvenimenti, qed jolqot inwaħi differenti tal-pajjiż. Bħala eżempju l-Mexxej Laburista semma l-Għawdex u l-ġbid ta’ film li seħħ is-sajf li għadda, u li anke ssemma fuq c-CNN bħala żona li wieħed għandu jżur u avveniment mużikali fil-ġimgħa tal-Għid li ser jitella’ f’Buġibba u San Pawl il-Baħar, avveniment li ser jagħti spinta lin-negozji tal-akwati.
Dwar l-indafa, Joseph Muscat semma kif zoni bħal San Pawl il-Baħar għandhom bżonn aktar għajnuna fl-upkeeping tal-lokalità, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li fis-sajf il-popolazzjoni tisplodi ‘il fuq, u għalhekk permezz ta’ response team f’qafas ta’ fondazzjoni, Kunsilli bħal ta’ San Pawl il-Baħar qed jingħataw għajnuna ulterjuri.