L-UE ma tatx lil Malta l-appoġġ li ħaqqha - Avramopoulos

Il-Kummissarju għall-Immigrazzjoni jħeġġeġ aktar ħidma konġunta, u jammetti li ma sarx biżżejjed mill-UE

"L-UE ma tatx lil Malta l-appoġġ li ħaqqha," qal Avramopoulos, "L-UE tkun fuq in-naħa ta' Malta."

Dan qalu l-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, Affarijiet interni u Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos fi żjara tiegħu f'Malta, fejn faħħar l-irwol kruċjali tal-EASO fil-kamp tal-Immigrazzjoni. Dan qalu f'konferenza stampa mal-Ministru għall-Affairjiet Interni Carmelo Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u d-direttur tal-EASO Robert Visser. Flimkien ma' Visser ippreżentaw s-sejbiet ta' żewġ proġetti tal-EASO: proġett pilota dwar il-ġbir ta' informazzjoni fuq l-ittraffikanti tal-immigranti fl-Italja u f'Malta, kif ukoll proġètt ieħor sabiex l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-ażil isir b'mod konġunt.

"Malta tinstab f'żona sensittiva u instabbli, u s-solidarjetà tal-UE m'għandhiex tibqa' biss slogan imma għandha ssir azzjoni konkreta." Avramopoulos iddikjara li l-pajjiżi tal-UE irċevew 620,000 applikazzjoni għall-ażil fl-2014 - żieda ta' 44% fuq is-sena ta qabel. Kompla billi talab kooperazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE u mal-pajjiżi terzi - "il-kriminali huma bbażati f'pajjiżi terzi - b'hekk din il-kooperazzjoni hija kruċjali. Xi traffikanti għandha aktar tagħmir xi wħud mill-pajjiżi terzi. Din hija problema kerha, l-UE għandha d-determinazzjoni u l-istituzzjoni biex tiġġilidha."

F'Mejju l-Kummissjoni Ewropea ħa tfassal Aġenda Ewropea dwar l-Immigrazzjoni - fejn l-ażil ħa jkun wieħed mill-akbar prijoritajiet.

Avramopoulos saħaq li hemm bżonn approċċ ħolistiku fuq l-immigrazzjoni - li jkopri l-pajjiżi ta' oriġini sal-Ewropa - "sakemm jirnexxielna nieħdu ħsieb l-immigrazzjoni aħjar - biex kemm jista' jkun ma jkunx hemm aktar vjaġġi qattiela."

 

 

More in Politika