"Qeghdin naffaccaw b'mod ċar emerġenza umanitarja mingħajr preċedent, li qegħda tqajjem mistoqsijiet dwar il-miżuri meħudha fuq livell Ewropew , fir-rigward tal-ħtiġijiet kurrenti kemm ta' l-immigranti kif ukoll tal-Istati Membri, liema Stati huma mtaqqla b’responsabbiltajiet, li sfortunatament ma jifilħux għalihom. Huwa ċar li Stati membri fil-periferija ta’ l-Ewropa m’għandhomx jitħallew waħedhom jiffaċċjaw din il-problema. Din mhijiex problema ta’ Malta u l-Bulgarija biss. Din hija problema Ewropea li teħtieġ soluzzjoni Ewropea.” Dan qalitu L-MEP Laburista Marlene Mizzi li bħalissa tinsab fuq żjara uffiċjali gewwa l-Bulgarija.
Marlene Mizzi bħalissa qed tifforma parti minn grupp ta' ħidma dwar l-immigrazzjoni, biex, flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali Bulgara għar-Refuġjati kif ukoll l-pulizija tal-fruntiera Bulgara, jigu diskussi, kontromiżuri fuq livell Ewropew, nazzjonali u lokali ghal kuntrabandu tal-migranti u migrazzjoni illegali.
Waqt konferenza stampa mal-istampa Bulgara, l-EwroParlamentari Laburista Marlene Mizzi ikkummentat li hi ġejja wkoll minn pajjiż bi problemi simili ta' immigrazzjoni illegali, u għaldaqstant tista’ tifhem l-isfidi ffaċċjati mill-awtoritajiet nazzjonali Bulgari u miċ-ċittadini. L-iStati Membri bħal Malta u l-Bulgarija, li huma fin-nofs taż-żewġ kurituri ewlenin ta' kuntrabandu għall-immigranti illegali, qed jiġu affettwati fuq grad sproporzjonat, u għaldaqstant qed tigi maħluqa sitwazzjoni allarmanti.