Jekk nitilfu dan r-referendum, titlef id-demokrazija – SHout
65 kaċċatur għal kull kilometru kwadru ta’ kampanja
More in Politika
65 kaċċatur għal kull kilometru kwadru ta’ kampanja
“Hemm ħafna votanti li għad iridu jiġbru l-vot u hemm ħafna nies li jridu jiddeċiedu kif se jivvutaw.” Dan qalitu Moira Delia waqt attività tal-kampanja SHout f’Birkirkara. Delia qalet li dan ir-referendum huwa l-akbar eżami għad-demokrazija. “Jekk nitilfgħu dan ir-referendum, titlef id-demokrazija.”
Moira Delia kompliet tgħid li r-referendum mhuwiex biss dwar l-għasafar iżda huwa wkoll dwar id-demokrazija u li n-nies jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu. “Irridu nifhmu li dan huwa ċans uniku sabiex il-Maltin u l-Għawdxin jiddeċiedu għalihom innifishom. Iż-żgħażagħ qegħdin fuq in-naħa tagħna, imma għandhom bżonn joħorġu jivvutaw.”
Il-Kelliema fakkret lil kulħadd li kemm Joseph Muscat kif ukoll Simon Busuttil taw id-dritt lil kulħadd sabiex ikunu huma stess li jiddeċiedu. “Dan kien iddikjarat fi kliem ċar ħafna.” Qalet ukoll li l-għasafar ftit għandhom ċans jissoppravvivu fil-kampanja Maltija għax isibu jilqgħuhom l-akbar konċentrazzjoni ta’ kaċċaturi fid-dinja. “Malta għandha l-aktar popolazzjoni densa fl-Ewropa, u l-akbar konċentrazzjoni ta’ kaċċaturi fid-dinja fejn għandha l-figura xokkanti ta’ 65 kaċċatur għal kull kilometru kwadru ta’ kampanja. X’ċans għandhom l-għasafar li jirnexxielhom jgħaddu minn pajjiżna b’mod sigur?”
Moira Delia kompliet tgħid li l-kampanja Maltija m’għadhiex dik li kienet. “Iż-żoni rurali tagħna huma ħafna iċken milli kienu, u issa l-popolazzjoni żdiedet. Barra minn hekk, fir-rebbiegħa hemm ukoll il-pressjoni addizzjonali ta’ 10,000 kaċċatur li b’senter jilqa’ lill-għasafar li jkunu qed ipassu, għasafar li jkunu qed ifittxu post sigur fejn jistrieħu u jieklu, qabel ma jkomplu l-vjagg twil tagħhom lejn it-tramuntana fejn imbagħad jibnu l-bejtiet u jbidu l-bajd.”
Żiedet tgħid li l-isfidi li qed ikollhom dawn l-għasafar huma inkredibbli. “Qed jivjaġġaw eluf ta mili tul oċeani u deżerti, jiġġieldu l-irjieħ u l-kundizzjonijiet tat-temp, sempliċiment kemm ikunu jistgħu jrabbu ż-żgħar tagħom. Irridu nagħtuhom protezzjoni u post fejn jistrieħu li jkun sigur, u mhux nisparawlhom huma u sejrin biex jirripproduċu.”
Moira Delia temmet id-diskors tagħha billi ħeġġet lir-residenti ta’ Birkirkara, li mhux ħa jkollhom elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, sabiex joħorġu jivvutaw. Żiedet li dawk li ma rċevewx vot, għandhom jiġbru d-dokumenti tal-vot tagħom sabiex isemmgħu leħinhom fil-11 ta’ April. “Malta inbidlet – u wasal iż-żmien li nbiddlu l-aġir tagħna wkoll. Nħeġġeġ lil kulħadd jivvota LE fil-11 ta’ April – sabiex inħarsu lill-għasafar fir-rebbiegħa. Kull vot huwa importanti. Ħmistax oħra, ħa jkollna ċ-ċans li nbiddlu dan kollu.”