Kampanja edukattiva dwar l-immaniġġjar tal-iskart

Inizjattiva ‘Żomm l-indafa fil-Floriana'

Inizjattiva ‘Żomm l-indafa fil-Floriana’
Inizjattiva ‘Żomm l-indafa fil-Floriana’

Meta kien qed jindirizza konferenza stampa dwar l-attività li se ssir fl-4 ta’ April 2015 ‘Żomm l-Indafa fil-Floriana’organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Furjana flimkien mal-GREEN MT, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, ħabbru li l-proċess għall-kampanja edukattiva dwar l-immaniġġjar tal-iskart ser jitnieda fil-ġejjieni qrib.
 
Huwa qal li bħala gvern ċentrali diġà beda jħares ukoll lejn is-separazzjoni tal-iskart kummerċjali minn dak domestiku partikolarment f’żoni residenzjali.
 
Il-Ministru Brincat qal li billi l-Furjana hija subborg fejn il-volum tat-trasport li jgħaddi minnha huwa wieħed kbir u sinifikanti, u billi l-ministeru tiegħu dejjem għafas biex il-lokalitajiet li għandhom igawdu l-ewwel mill-proġett għat-tħaddir tal-komunitajiet għandhom ikunu dawk milqutin l-aktar mit-tniġġiż tat-traffiku, huwa ser ikun qed jirrikmanda biex il-Furjana tkun waħda mil-lokalitajiet li tgawdi minn dan il-proġett fis-sena finanzjarja li jmiss.
 
Huwa qal li għalkemm it-tindif tat-toroq ma jaqax taħt id-dikasteru tiegħu, kulħadd kien u għadu konxju tal-ħtieġa li din tiġi ndirizzata b’mod effettiv, kif il-Prim Ministru din il-ġimgħa wera ċar li ser isir.
 
Il-Ministru faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Furjana għaliex mhux biss irnexxielhom iġibu flimkien il-gvern ċentrali u l-partiti politiċi ewlenin iżda ħa gost jinnota li minn għoxrin stakeholder preżenti, sbatax minnhom kienu ġejjin minn azjendi, intrapriżi u anki ambaxxati li joperaw minn ġewwa l-Furjana nnifisha, fejn il-ħaddiema tagħhom minħabba l-ħinijiet li jqattgħu jħossu ruħhom parti mill-komunità tal-Furjana. Brincat ħeġġeġ għall-inizjattivi dejjem akbar favur l-iżvilupp verament sostenibbli fuq livell ta’ gvern lokali fil-ħidma tagħhom għall-ġejjieni.
 
Il-Ministru Brincat temm jgħid li f’dinja globalizzata sar aktar importanti minn qatt qabel li naħsbu mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq livell ta’ komunità. B’dan il-mod inkunu qegħdin nassiguraw dejjem aktar riżultati effettivi u ta’ benefiċċji kemm immedjati kif ukoll fit-tul. Dan jorbot mal-għanijiet ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli li dwaru ser isir summit dinji ġewwa New York fil-ħarifa li ġejja.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo beda biex feraħ lill-Kunsill Lokali tal-Furjana ta’ din l-inizjattiva ‘Żomm l-indafa fil-Floriana’, fejn l-għan ewlieni huwa li jżommu l-lokal tagħhom nadif għat-tgawdija ta’ kulħadd.
 
Huwa qal li dan il-Gvern qed jaħdem biex jara li l-kunsilli lokali jkunu f’pożizzjoni li jindirrizzaw il-bżonnijiet ambjentali tal-lokalità tagħhom. Dan qed jagħmluh sabiex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunitajiet tagħna, għall-familji tagħna, għat-tfal tagħna u għall-anzjani tagħna. Dan kollu qed jagħmluh biex il-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu jgawdu mit-tiżbieħ ta’ żoni fil-lokalitajiet tagħhom.
 
Huwa qal li tajjeb li jfakkar li l-kunsilli lokali mill-għadd finanzjarju llum qed jutilizzaw tal-inqas terz (10.5 miljun ewro) mill-allokazzjoni tagħhom fuq tindif u ġbir tal-iskart. L-ispiża tal-knis għall-kunsilli lokali għas-sena 2014 kienet ta’ madwar żewġ miljuni u nofs (2.5 miljun).
 
Buontempo qal li l-appell illum huwa wieħed fejn ir-residenti kif ukoll il-kumpaniji jew entitajiet li għandhom l-uffiċini tagħhom ġewwa l-Furjana qed jiġu mistiedna jipparteċipaw f’din l-attività. Il-populazzjoni ta’ ħaddiema ġewwa l-Furjana hija darbtejn ikbar minn dik tar-residenti.
 
Huwa qal li b’kollaborazzjoni wiesgħa l-kunsill qed jaħdem biex iżid l-għarfien tal-importanza li nżommu l-indafa. Dan qed jagħmluh b’mod innovattiv bit-tema ‘Ħobb fejn tgħix’ (Love where you live) u ‘Ħobb fejn taħdem’ (Love where you work). Dawn huma messaġġi li għandhom jolqtuna lkoll għaliex kollha nistgħu nagħmlu l-kontribut tagħna għal ambjent aktar nadif. 
 
Huwa temm jgħid li jemmen fil-potenzjal u l-irwol li l-kunsilli għandhom fil-qasam ambjentali għax jagħrfu l-prijoritajiet fil-lokalitajiet tagħhom, filwaqt li awguralhom kull suċċess għal din l-attività.

 

More in Politika