Waqt konferenza tal-Aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li beda x-xogħol fuq il-binjiet tal-Gvern f’San Pawl il-Baħar. Farrugia qal li din is-sena l-Awtorità tad-Djar ser tkun qed tagħmel numru ta’ xogħlijiet ta’ tisbieħ f’binjiet li huma tal-Gvern.
Il-Ministru qal li filwaqt li jġeddu l-iskemi li bihom l–Awtorità tad-djar tgħin lill-Kunsilli Lokali sabiex isir xogħol ta’ tisbieh fl-Oqsma tad-Djar, l-Awtorità s-sena li għaddiet nediet tliet proġetti ambizzjużi li bihom ħdax –il blokka mqassmin f’San Pawl il-Baħar, Raħal Ġdid u l-Isla ser isirilhom xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-faċċati kif ukoll xogħlijiet fuq ġewwa.
Farrugia qal li matul il-ġimgħat li għaddew, l-Awtorità kienet għaddejja bil-proċeduri sabiex jitħejjew it-tenders u llum beda x-xogħol fuq l-ewwel sit ġewwa San Pawl il-Baħar.
Fuq il-proġett ta’ San Pawl il-Baħar, huwa stmat li l-Awtorità se tinvesti ftit anqas minn mitejn elf ewro u minnu se jgawdu erbgħa u għoxrin familja residenti f’dawn il-postijiet.