Imniedi s-servizz tan-Night Shelter għall-anzjani f’Għawdex

Dar Padova f'Għajnsielem attrezzata biex tilqa’ l-anzjani

Dar Padova f'Għajnsielem attrezzat biex jilqa’ l-anzjani
Dar Padova f'Għajnsielem attrezzat biex jilqa’ l-anzjani

Għall-ewwel darba f'Għawdex ġie mniedi s-servizz tan-Night Shelter bħala parti mill-programm tax-xogħol biex insaħħu s-servizzi għall-Anzjani f'Għawdex.

Dan is-servizz tħabbar illum mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana waqt iż-żjara tagħha f'Dar Padova f'Għajnsielem wara li ntemmu x-xogħolijiet biex il-post ġie attrezzat biex jilqa’ l-anzjani u jibda jingħata dan is-servizz.

Caruana qalet li permezz ta’ dan is-servizz jistgħu jibdew jibbenefikaw massimu ta’ 12-il anzjan u anzjana. Spjegat li dan is-servizz qiegħed jiġi fis-seħħ permezz ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Knisja wara stedina li s-Segretarjat Parlamentari għamel biex jikkollabora ma’ entitajiet oħra. Dan is-servizz se jingħata permezz ta’ carers professjonali li ser ikunu qed jassistu lill-anzjani li jirrikorru għas-servizz u li jkunu jixtiequ l-wens għal matul il-lejl.

Is-Segretarju Parlamentari faħħret ix-xogħol li sar f’dan in-Night Shelter li sar kollhu mill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità. Hija qalet li dan il-post jipprovdi faċilitajiet li jistgħu jintużaw mill-anzjani li qegħdin jibbenefikaw mis-servizz, fosthom librerija, kċina, living area, ġnien u bitħa interna spazjuża.

Is-servizz ta’ Night Shelter huwa servizz ieħor minn sensiela ta’ servizzi li s-Segretarjat Parlamentari qiegħed jintroduċi fil-Gżira Għawdxija fosthom Ċentri ta’ matul il-jum, servizzi ta’ respite, tisħiħ fis-servizz tal-Commcare, u servizz ta’ kura fit-tul f'Għawdex.

 

More in Politika