Muscat qal ukoll li ilhom snin twal li l-lukandi tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta jkunu mimlija kollha bħal m’huma bħalissa. Semma wkoll l-opportunitajiet li qed jinfetħu f’Għawdex fejn investitur Għawdxi investa miljun ewro biex jibnu 4 boutique hotels, waħda fin-Nadur li nfteħet il-bieraħ stess mill-Prim Ministru, oħra f’Ta’ Sannat, oħra Għajnsielem u oħra x-Xewkija. “Dan ifisser li f’Għawdex hawn futur” qal Muscat.
Dwar il-Kunsilli lokali l-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista qed jaħdem għax irid jbiddel xejra li għall-ewwel darba l-partit fil-gvern jirbaħ il-maġġoranza “żgħira kemm hi żgħira” fil-Kunsilli Lokali. Qal ukoll li Simon Busuttil qal li fetaħ il-bibien tal-Kwartieri beraħ, “għamel sew għax aktar nies ħerġin minn dawn il-bibien filwaqt li hu ssakkar ġewwa. Ma deher imkien f’din il-kampanja li tant iġġieled biex isiru dawn l-elezzjonijiet. Tgħid beża’ li jistaqsuh dwar x’kien jaf dwar l-abbużi f’Għawdex?” temm Muscat li qabel għalaq bl-għajta tas-soltu ta’ Malta Ottimista qal li hu jaf li fir-Raħal tan-Nadur diffiċli li jintrebaħ mill-Labour, iżda li “xorta se nagħtuhom a good run for their money.”