Dalli jgħid tiegħu fuq il-ħbiberija bejn Busuttil u Kessler

John Dalli semma’ l-opinjoni tiegħu dwar id-diskursata li kellhom il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler

John Dalli semma’ l-opinjoni tiegħu dwar id-diskursata li kellhom il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler, liema storja ħarġet il-gazzetta ILLUM. Id-diskursata bejn Busuttil u Kessler saret wara li Kessler kien qiegħed Malta biex jixhed fil-każ kontra l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.

 

Dalli stqarr li “Simon Busuttil u Giovanni Kessler huma ħbieb sew. Simon u Giovanni jindirizzaw lil xulxin bl-ewwel isem, u huma ħbieb biżżejjed sabiex Giovanni jitlaq mill-business class u jmur fl-economy class fuq ajruplan biex imur ikellem lil Simon.” Kompla billi ressaq ammont ta’ mistoqsijiet lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn talbu biex jillumina lill-pubbliku Malti dwar din il-ħbiberija bejnu u Kessler – “f’ġieħ it-trasparenza.”

 

L-eks Kummissarju jistaqsi “kif nibtet u nżammet din ir-relazzjoni? Kienu f’kuntatt f’xogħol uffiċjali? Kienu jmorru l-istess klabbs? Huma membri tal-istess gruppi?” Wara jkompli billi jistaqsi kemm ilha din il-ħbiberija bejn Busuttil u Kessler – fejn jistaqsih jekk kinitx relazzjoni li żviluppat riċentament jew le. Jistaqsih ukoll jekk kinux diġà ħbieb meta beda l-iskandlu tat-tabakk li sewa lil Dalli l-post ta’ Kummissarju Ewropew.

 

“Din il-ħbiberija kienet teżisti meta Kessler ħa l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet tas-Swedish Match f’idejh? Simon u Giovanni kienu daqshekk ħbieb meta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru beda jitfa’ pressjoni fuq il-Pulizija Maltija f’Diċembru 2012 biex jieħdu azzjoni kontrija akkost ta’ kollox? (hekk kif ġie rrapurtat fil-MaltaToday fis-16 ta’ Diċembru 2012)? Simon u Giovanni kienu daqshekk ħbieb meta Giovanni beda jagħti l-parir lil wieħed mill-impjegati ta’ Swedish Match, li kien wieħed mill-protagonisti fil-konfoffa kontrija,biex ikompli jxerred storja mhux minnha dwari biex ma jfixkilx l-investigazzjoni f’Malta? Simon u Giovanni kienu daqshekk ħbieb meta Simon beda kampanja enormi ta’ interferenza politika li fiha akkuża lil Prim Ministru (fuq suspetti, u mhux fatti – kif jagħmel hu) li interfera fir-rigward tiegħi. Dan kien attentat biex jintimidaw il-pulizija u biex ikomplu l-kampanja ta’ mibgħeda kontrija?”

 

Dalli jagħmel riferiment għal intervista li Kessler ta lill-gazzetti Kroati, fejn hu beda “jtenni l-kliem ta’ mibgħeda, ta’ interferenza politika ta’ Simon. Fil-fatt, din il-biċċa dehret fil-gazzetta ta’ Simon, għalkemm qalu li l-oriġini kienet Ungeriża.”

 

Jirreferi wkoll għal episodju fejn fih Kessler “ġabar evidenza żbaljata dwar Joanna Darmanin u Paola Duarte, u ddeċieda li jibgħatha lill-Pulizija f’Malta mingħajr (fi kliemu stess) ma ċċekjaha jew investigaha. Meta Giovanni qal li kien bagħat din l-informazzjoni lill-pulizija, Simon intefa jattakka u akkuża lill-pulizija li kisru l-liġi Ewropea talli ma ħadux passi dwar din l-informazzjoni.”

 

Fl-aħħar jistaqsi lil Busuttil u Kessler biex jinħarġu dettalji tal-laqgħat li kellhom minn meta “Giovanni nħatar DG OLAF, il-kuntest ta’ dawn il-laqgħat, u jekk bdewx jittieħdu minuti ta’ dawn l-istess laqgħat.” 

More in Politika