Mediċina ġdida tad-dijabete tiżdied fil-formularju tal-Gvern

Mal-1,200 pazjent f'Malta jagħmlu użu mill-gliptins

Mal-1,200 pazjent f'Malta jagħmlu użu mill-gliptins
Mal-1,200 pazjent f'Malta jagħmlu użu mill-gliptins

Mediċina ġdida, magħrufa bħala gliptins, li tintuża minn pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete tat-tip 2, issa ġiet miżjuda mal-formularju tal-mediċini tad-Dipartiment tas-Saħħa. Dan ifisser li din il-mediċina dalwaqt ser tibda' tkun disponibbli b'xejn mill-ispiżeriji li jiffurmaw parti mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) għal dawk il-pazjenti li skont il-parir tal-ispeċjalisti tagħhom ikollhom bżonnha.
 
F’kummenti li ta s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-Dipartiment tas-Saħħa huwa kommess li joffri l-aħjar servizz tas-saħħa għall-Maltin u l-Għawdxin, minn kull angolu possibbli. "Id-Dipartiment tas-Saħħa għaddej bi skrutinju u evalwar kontinwu tal-prodotti mediċinali ġodda li jidħlu fis-suq bil-għan li jevalwa b'mod effettiv kif minnhom jistgħu jibbenefikaw ukoll il-klijenti tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek". Huwa stmat li mal-1,200 pazjent f'Malta jagħmlu użu mill-gliptins, b'dawk fosthom li huma eliġibbli għall-kartuna s-safra issa jingħataw il-faċilita' li joħduhom b'xejn folk ma jkollhom iħallsu għalihom minn buthom.

Din iż-żieda fil-mediċini hi biss parti mill-istrateġija tal-Gvern dwar id-dijabete. F'dan l-ambitu Dr Fearne irrefera b'mod partikolari għat-tnehdija tal-fażi konsultattiva dwar il-politika nazzjonali dwar id-dijabete, politika li sfortunatament kienet tħalliet fuq l-ixkaffa minn amministrazzjonijiet preċedenti. Imnedija f'Novembru li għadda l-għanijiet ewlenin ta’ din l-istrateġija nazzjonali huma li titjieb il-kwalita' tal-ħajja għal persuni b’dijabete u l-familji tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jiġu mplimentati miżuri biex jinformaw u jedukaw lill-pubbliku dwar din il-kundizzjoni.

“Huwa stmat li 10% tal-popolazzjoni Maltija tbati mid-dijabete. Ewlenin fost il-proposti tal-istrateġija nazzjonali dwar id-dijabete, li hu ppjana li tkun mifruxa fuq ħames snin, insibu t-twaqqif ta' reġistru nazzjonali robust tad-dijabete. Dan bil-għan li dawk fuq ir-reġistru jkunu jistgħu jiġu mistiedna għall-check-ups regolari tal-pressjoni, kliewi, saqajn u livelli taz-zokkor, u b’hekk jitnaqqsu l-kumplikazzjonijiet aktar ‘il quddiem fil-ħajja,” żied jgħid Chris Fearne.

Il-fażi konsultattiva ta' dan id-dokument tiġi fi tmiemha f'Mejju.

 

More in Politika