Mal-brikkun ma jridx jeħel l-onest - Alfred Sant

Alfred Sant jitkellem dwar l-importanza li jitħares il-kamp ts-servizzi finanzjarji - mutur għall-ekonomija Maltija

‘Id-dmir tagħna nħarsu s-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta.’ - Alfred Sant
‘Id-dmir tagħna nħarsu s-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta.’ - Alfred Sant

"Is-servizzi finanzjarji huma meħtieġa f'dinja globalizzata li taċċetta regoli neo-liberali f'pajjiżi u kontinenti mmexxija b'mod effiċjenti. Li wieħed jgħid li s-servizzi finanzjarji jimplikaw l-inkoraġġiment tal-evażjoni tat-taxxa huwa falz." Dan qalu Alfred Sant, waqt li sostna li hemm bżonn li s-servizz finanzjarju f'Malta għandhu bżonn jiġi mħares.

Sant indirizza lill-Parlament Ewropew, waqt it-tħejjija ta' direttivi Ewropej ġodda dwar il-mod ta' kif pajjiżi tal-UE jimplimentaw it-taxxi tagħhom.  Hu qal li ċertu pajjżi ma jistgħux jibqgħu akkużati li saru "tax havens" sempliċiment għax speċjalizzaw fis-servizzi finanzjarji - fejn "f'daqqa waħda, hemm min iqis lill-pajjiżi li jispeċjalizzaw fis-servizzi finanzjaarji qishom kienu xi theddida għall-integrità tal-UE."

Dan id-diskors ġie wara li l-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici ppreżenta stqarrija dwar it-trasparenza fit-taxxi. Skont Sant, fl-UE bħalissa għaddejjin eżerċizzji li jattakkaw is-settur tas-servizzi finanzjarji - b'mod partikolari fost l-iżgħar pajjiżi tal-UE. "Ħafna qed jisħqu li xi pajjiżi qed jippermettu lil kumpaniji kbar jeħilsu milli jħallsu t-taxxi dovuti minnhom. Allura hemm ħidma għaddejja biex jaraw kif dan jiġi kkontrollat. Malta, bil-qasam tas-servizzi finanzjarji tagħha, ukoll taqa' fid-dell tas-suspett.  Imma l-qasam tas-servizzi finanzjarji tagħna hu wieħed mill-aktar li kiber fl-aħħar snin u ma nistgħux inħalluh jiġi mxekkel. Fl-istess ħin, lanqas ma rridu nidhru li b'xi mod niffavorixxu li kumpaniji jew individwi jaħarbu milli jħallsu t-taxxi.’ Qal Alfred Sant.

Dan l-istess suġġett, Sant trattah ukoll f'laqgħa ta' grupp ta' deputati soċjalisti. Sant reġa’ enfasizza li l-qasam tas-servizzi finanzjarji jeħtieġ jingħata kull għarfien, waqt li jirrispetta livelli għolja ta' tmexxija onestà. "Mal-brikkun ma jridx jeħel l-onest", temm jgħid Sant.

More in Politika