L-UE trid tingħaqad fit-tweġiba tagħha għall-instabilità fil-Mediterran. Intervent militari fil-Libja mhux it-tweġiba li għandna bżonn għall-kriżi li hemm fil-Libja bħalissa. Is-soluzzjoni hi biss gvern ta' unità - Dan qalu Il-President Tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, fi żjara tiegħu f'Malta.
F'konferenza stampa li indirizza flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, huwa sostna li l-interlokaturi tiegħu f'Washington kif ukoll fil-kapitali Ewropej kollha jeskludu l-intervent militari. Sostna li għad m'hemmx risposta ċara dwar kif l-UE tista' tgħin lil-Libja, sakemm fil-Libja stess ma jkunx hemm gvern ta' unità fil-Libja stess. Tusk kompla jgħid li huwa biss permezz tal-ħidma tal-UE kollha flimkien li l-UE tista' tiġġieled kontra s-sors tal-problemi li qed iwasslu għall-instabilità fil-Mediterran, u b'hekk ukoll il-konsegwenzi tagħha - jiġifieri t-terroriżmu u l-immigrazzjoni.
"Li mhux daqshekk ċar huwa kif nistgħu ngħinu. Irridu naħsbu f'soluzzjonijiet aktar kreattivi. Jien qiegħed hawn biex nisma' u nitgħallem fuq x'tista' tagħmel l-UE għall-ġara tagħha fin-nofsinhar." qal Tusk dwar il-kriżi fil-Libja, fejn sostna wkoll li għalkemm l-UE trid tgħin lill-immigranti, meta dawn jagħmlu l-vjaġġi perikolużi għall-Ewropa - ma tistax tinsa s-sigurtà tal-pajjiżi tagħha. "Ma nistgħux inħallu l-bieb miftuħ għal kulħadd - u b'hekk irridu naraw li qabel kollox ma jkollhomx għalfejn jitilqgħu minn pajjiżhom."
Din kienet l-ewwel darba li Tusk żar Malta sa minn meta nħatar President tal-Kunsill Ewropew. Hu qiegħed Malta għal żjara ta' jum wieħed biss, fejn imbagħad għada filgħodu se jżur Spanja, u aktar tard waranofsinhar ħa jkun qed jiltaqa' mal-Prim MInistru u President Tuneżin flimkein mar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini u l-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu Gilles de Kerchove.