Impenn għal aktar titjib fis-sigurtà tal-lokalitajiet – Carmelo Abela

Tibdil strateġiku għall-Pulizija tad-distretti u tal-iskwadri

Tibdil strateġiku għall-Pulizija tad-distretti u tal-iskwadri
Tibdil strateġiku għall-Pulizija tad-distretti u tal-iskwadri

B'mod imminenti ser ikun qed jiġi mniedi proċess ta’ konsultazzjoni mal-membri tal-korp kollu, kemm tad-distretti u kemm tal-iskwadri, bl-għan li jitfassal it-tibdil strateġiku li jkun meħtieġ. Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, f'konferenza tal-aħbarijiet fis-Swieqi li fiha ġew ippreżentati r-riżultati analitiċi tal-Annual Malta Crime Review Report miġbura mill-kriminologu Dr. Saviour Formosa. 


Il-Ministru Abela qal li l-importanza tal-informatika għat-titjib tas-sigurtà tal-komunitajiet u l-ħtieġa li jsir l-aħjar użu tal-għerf ipprovdut mill-istatistika miġbura mill-korp, ġie elenkat. “Kien innutat ukoll il-bżonn li l-informatika tinbidel f’azzjoni u l-istatistika tintuża sabiex tantiċipa l-futur u eventwalitajiet ta’ realtajiet ġodda qabel dawn ma jseħħu, bl-għan li azzjonijiet li jilħqu lill-vittma jsiru b’mod aktar mgħaġġel. Għaldaqstant filwaqt li ġie rikonoxxut l-input ta’ stakeholders akkademiċi fil-qasam tal-analitika, l-viżjoni hi li l-Korp tal-Pulizija jagħmel tranżizzjoni mill-informazzjoni għall-intelliġenza fejn il-korp imur lil hinn mill-ġbir tal-informazzjoni u jibda jaħdem fuq l-interpretazzjoni u l-analiżi tar-riżultati u jassigura li din ġġib magħha l-azzjoni neċessarja.”


Abela semma kif it-titjib tas-sigurtà fil-lokalitajiet hija qafas prinċipali fil-ħidma tal-Gvern u b'hekk azzjonijiet bħal dawn għandhom jgħinu sabiex jibda jinħass impatt immedjat fuq il-Pulizija tal-Kommunità. Huwa tkellem fuq il-progess li sar fl-aħħar żmien f'dan il-qasam f' lokalitajiet bħas-Swieqi fejn sar tisħiħ kemm permezz ta' ftuħ ta' għassa ġdida u kemm fir-rondi tal-Pulizija. "Kommessi li nkomplu nservu l-lokalitajiet bl-aħjar mod possibbli u għalhekk nifhmu li fadal ħafna xi jsir u nagħrfu l-ħtieġa li kontinwament tkompli tissaħħaħ il-preżenza tal-pulizija fit-toroq u l-aċċessibilità tagħhom għall-pubbliku."

Tkellem ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li elenka x-xogħol siewi tal-Uffiċjali tal-Istatistika fi ħdan il-korp. Huwa enfasizza li meta jsir rapport, dan ma jkunx jinkorpora biss l-element statistiku imma jinkorpora wkoll l-element uman għaliex wara kull rapport hemm vittma. Semma wkoll l-importanza li l-pulizija, li issa għalqet 200 sena, tkun aktar realista fit-tibdil drastiku tas-soċjetà li jrendu reati ġodda, kif ukoll li ċerti reati ma jibqgħux effettivi fis-soċjetà moderna.

 

 

More in Politika