Vot LE Huwa Vot għall-Futur ta’ Uliedna
Moira Delia tħeġġeġ lill-votanti biex jaċċertaw futur li uliedna jkunu kburin bih
More in Politika
Moira Delia tħeġġeġ lill-votanti biex jaċċertaw futur li uliedna jkunu kburin bih
Waqt attività tal-movimenta Spring Hunting Out (SHout) illum wara nofsinhar, Moira Delia qalet li vot LE jiżgura futur aħjar għal uliedna, futur li fih it-tfal tagħna jgawdu kampanja iktar sinjura.
Waqt attività tal-kampanja SHout fil-Park ta’ Sant Antnin f’Marsaskala, Moira Delia qalet “Kull min għandu t-tfal jixtiqilhom futur aħjar. Bħalissa għandna l-isbaħ opportunità biex niżguraw li uliedna jikbru f’pajjiż b’iktar għasafar u iktar natura, fejn ikollhom ċans – bla xkiel u bla biża’ – biex igawdu l-kampanja fiż-żmien li fih in-natura tkun fl-aqwa tagħha, jiġifieri fir-rebbiegħa.”
Moira fakkret lill-publiku fis-sentejn 2008 u 2009, li fihom ma saritx kaċċa fir-rebbiegħa minħabba li kienet għaddejja l-kawża ta’ Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ewropa. “F’dawk is-snin, li fihom ma kienx hemm kaċċa fir-rebbiegħa, bdew ibejtu f’Malta u f’Għawdex għasafar il-ġmiel tagħhom: spanjuletti, rundun, ħuttaf, anke l-qerd in-naħal beda bejjet, għasfur b’kuluri bilkemm jitwemmnu. U dan ġara f’sentejn biss! Li kellha tieqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa għal kollox, immaġinaw ftit f’ħames, għaxar jew għoxrin sena kemm iktar tista’ ssir sinjura l-kampanja tagħna għal uliedna.”
Moira tkellmet ukoll fuq l-importanza tan-natura għat-tfal. “Li toħroġ fil-kampanja u tgawdi n-natura huwa tant importanti għat-tfal. Li jiġru u jilagħbu qalb is-siġar, li jkollhom il-libertà jesploraw, li jħallu l-immaġinazzjoni timraħ.”
Hija qalet li waqt staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa miftuħ, ħafna nies jibżgħu jħallu t-tfal jilagħbu fil-kampanja. “Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa ma nistgħux inħallu lil uliedna jgawdu n-natura fir-rebbiegħa. Nafu b’ħarġiet tal-iskola li kellhom jitwaqqfu minħabba ċomb li beda jaqa’ fuq it-tfal, nafu bi tfal li sabu għasafar mejtin fil-bitħa tal-iskola tagħhom. Issa għandna ċ-ċans li dan nibdluh.”
“Uliedna jixirqilhom futur aħjar, u aħna nistgħu nagħtuhulhom. Ivvutaw LE fil-11 ta’ April, ħalli flimkien noħolqu ġejjieni li Malta tkun kburija bih."