Il-Freeport se jiffranka mat-€800,000 bir-roħs tal-kontijiet

Żjara mis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera fil-Port Ħieles hekk kif se jkun qed jibbenefika mir-roħs fil-kontijiet għan-negozji

Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera, fi żjara fil-Port Ħieles spjega kif il-kumpanija se tkun qed tibbenefika mir-roħs fil-kontijiet.

"Bis-saħħa tat-tnaqqis fil-kontijiet għan-negozji, il-Port Ħieles se jkun qed jiffranka mat-€800,000," qal Herrera waqt li kien qed jindirizza l-mezzi tax-xandir, aktar kmieni illum.

Herrera spjega kif l-Port Ħieles kien wieħed mill-akbar konsumaturi tal-elettriku fil-pajjiż minħabba l-użu estensiv ta' makkinarju, inkluż kontejners li jeħtieġu l-elettriku biex tiġi regolata t-temperatur tagħhom.

"Matul is-sena li għaddiet, il-freeport uża iktar minn 23 miljun kW ta' elettriku li jsarraf fi €3 miljun f'kontijiet," spjega Herrera.

Is-segretarju parlamentari kompla jispjega li r-roħs ta' 25% fuq il-kontijiet tad-dawl u 5% fuq il-kontijiet tal-ilma kienet waħda mill-miżuri tal-baġit li kienu se jiggarantixxu aktar kompetittività u ekonomija aktar b'saħħitha għall-pajjiż.

"Il-Gvern aġixxa għall-bżonnijiet kemm tal-familji, kif ukoll tan-negozji u t-tnaqqis fil-kontijiet se jservi ta' injezzjoni ta' madwar €80m lill-pajjiż," kompla jgħid Herrera.

Herrera żied jgħid li l-Freeport bħalissa għaddej minn fażi ta' xogħol infrastrutturali inkluż estensjoni ta' rail ta' 360m u l-iżvilupp ta' 30,000m kwadru ta' art biex jinħażnu l-konejners, xogħol li bea din il-ġimgħa.

More in Politika