Marlene Mizzi maħtura kelliema ewlenija fuq ir-rapport dwar ix-xogħol

L-MEP Marlene Mizzi tinħatar bħala kelliema ewlenija għal S&D fuq ir-rapport dwar skills mismatch u opportunitajiet ta’ xogħol.

L-MEP Maltija Marlene Mizzi ġiet maħtura bħala rapporteur u spokesperson għan-nom tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) għall-opinjoni tal-kumitat CULT fuq ir-rapport: "Il-ħolqien ta' suq tax-xogħol tal-EU għas-Seklu 21: nqabblu l-ħiliet u l-kwalifiċi mad-domanda u l-opportunitajiet ta' xogħol, bħala mezz biex nirkupraw mill-kriżi."

"Id-defiċit attwali tal-ħiliet madwar fl-Ewropa mhix il-kawża prinċipali għar-rati għolja ta’ qgħad li hawn fil-mument, iżda din tista’ tkun il-kaġuni jekk aħna ma nindirizzawx din il-kwistjoni immedjatament. Is-sitwazzjoni ekonomika attwali kif ukoll n-nuqqas ta' tkabbir fl-Ewropa huma r-raġuni ewlenija għal livell għoli ta’ qgħad, iżda ironikament f’ċertu setturi, hemm xogħlijiet battala mingħajr l-ebda persuni kwalifikati għal dan it-tip ta’ xogħol. Id-differenza bejn ir-rekwiżiti għax-xogħol u l-kwalifiki disponibbli, se tkun problema li dejjem tikber hekk kif l-ekonomija ser tkompli tirkupra gradwalment. L-isforzi kontinwi sabiex jinġiebu, l-edukazzjoni, t-taħriġ u s-suq tax-xogħol aktar qrib xulxin, għandhom ikunu msaħħa fil-livelli kollha u mill-Istati membri kollha.” saħqet Mizzi.

Żiedet tgħid li “hemm bżonn li ninvestu aktar fil-kapital uman u naddattaw malajr għal xejriet futuri tas-suq. Hemm bżonn li naġġustaw is-sistema edukattiva tagħna u kif ukoll l-istandards tat-taħriġ għall-iżvilupp kostanti ta' għarfien u ħiliet meħtieġa mis-suq sabiex jintlaħqu l-miri tat-tagħlim tul il-ħajja u biex tindirizza l-problemi eżistenti ta’ skills mismathches. Opportunitajiet akbar ta' xogħol u t-tkabbir ekonomiku jistghu jinkisbu biss jekk l-istituzzjoni edukattiva tipproduċi l-kwalifiki adattati għall-ħiliet xierqa. Hemm bzonn li nolqtu l-musmar fuq rasu sabiex ingibu din il-formula tad-domanda u l-provvista kif ghandha tkun."

"Bħala shadow rapporteur għamilt rakkomandazzjonijiet validi u pproponiet inizjattivi konkreti li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ kif ukoll fuq skemi ta' transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, fuq early school-leavers kif ukoll fuq persuni bi kwalifiki edukattivi aktar baxxi. Tlabt ukoll sabiex tingħata career guidance sabiex tingħata għajnuna akbar sabiex tittiehed deċiżjoni tajba fir-rigward ta’ għażliet edukattivi kif ukoll għall-karriera tagħhom. L-aħħar iżda mhux l-inqas, ser nara li jissaħħaħ ir-rwol ta' ħiliet informali, mhux formali u trasversali, bħall-intraprenditorija, l-ICT u l-lingwi. Irrakkomandajt wkoll li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fi stadju bikri tal-edukazzjoni, u dan jista’ jseħħ biss billi l-iskejjel jipprovdu attivitajiet extra kurrikulari kif ukol żjarat f’pajjiżi oħra, li żgur jgħinu biex nindukraw ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ b’moħħ aktar miftuħ u b’potenzjal akbar.

"Jiena kburija li qed nirrapprezenta l-grupp pollitiku tieghi fuq dan is-suġġett ta’ importanza kbira ghal Malta. Nispera li l-kontribuzzjonijiet tiegħi se jittieħdu in konsiderazzjoni mhux biss mill-Parlament iżda wkoll mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.” temmet tgħid Marlene Mizzi.

More in Politika