Il-Gvern nieda l-pjani tiegħu tal-proġett għar-riġenerazzjoni tal-pjazza Antoine de Paul f’Raħal Ġdid. Dan il-proġett huwa ħolqa minn katina ta’ proġetti li l-gvern qed iwettaq flimkien mal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif permezz ta’ dan il-proġett, il-pjazza Antoine de Paul se ssir waħda iżjed tal-poplu fejn mhux biss se jissaħħaħ l-aspett ambjentali, iżda wkoll se titjieb l-esperjenza tal-konsumatur meta jmur biex jixtri minn dan iċ-ċentru kummerċjali.
Dalli qalet li l-fatt li se jiżdied sostanzjalment l-ispazju miftuħ għan-nies se jfisser anqas tniggiż u arja aktar nadifa, u dan minnu nnifsu se jġib titjib fil-kwalità fil-ħajja tan-nies. “Dan il-proġett huwa turija ta’ kif meta Kunsill Lokali jaħdem id f’id mal-Gvern Ċentrali, r-riżultati jistgħu jinkisbu.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis semma kif il-proġett mistenni jiġi jiswa €3 miljuni li ġew ivvutati mill-Gvern Ċentrali u huwa ppjanat li jitlesta sa tmiem din il-leġiżlatura. “Il-gvern qed jibgħat sinjal b’saħħtu favur in-Nofsinhar ta’ Malta u qed juri li huwa tassew kommess li jirriġenera soċjalment, ekonomikament u ambjentalment din il-parti tal-pajjiż li għal snin twal ma kinitx ta’ prijorità.”
Parnis saħaq li l-proġett se jkompli jħajjar lill-privat biex jinvesti b’riżultat li tiżdied l-attività kummerċjali u fuq kollox jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiiegi ta’ kwalità.