Dalgħodu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa' l-linja Finnair b’salut tal-ilma u b'ċerimonja żgħira b’kejk. Finnair hi l-akbar linja tal-ajru tal-Finlandja u se tibda topera titjiriet darbtejn fil-ġimgħa minn u lejn Helsinki mil-lum. Abbord l-ewwel titjira kien hemm is-Sur Michael Zammit Tabona, l-Ambaxxatur Malti tal-Finlandja.
Il-linja tal-ajru għażlet lil Malta bħala parti mill-espansjoni tagħha tas-Sajf lejn destinazzjonijiet Ewropej u se tibda ttir direttament lejn u mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’ħinijiet magħmula apposta għal konnessjonijiet man-network tal-Finnair f’destinazzjonijiet fl-Asja.
Il-Ministru tat-Turiżmu, Dr. Edward Zammit Lewis laqa' lil Finnair fit-titjira inawgurali lejn Malta u qal li dan is-servizz dirett minn Helsinki joqgħod eżatt mal-istrateġija l-ġdida ta’ Malta fit-turiżmu, u partikolarment mal-għanijiet li nkomplu niżviluppaw is-suq Skandinavu.
Il-Ministru rringrazzja lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u persuni oħra involuti, tal-isforzi kontinwi biex il-pajjiż jara riżultati mill-aqwa fl-industrija tat-turiżmu.