Tnaqqis fin-numru ta' nies jirreġistraw għax-xogħol

L-akbar tnaqqis fost dawk li ilhom jirreġistraw bejn 21 sa 52 ġimgħa
 

Fi Frar kien hemm tnaqqis ta' 1,563 persuna jirreġistraw għax-xogħol meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra. Dan skont informazzjoni li nħarġet mill-ETC - fejn jidher ukoll li t-tnaqqis seħħ fil-gruppi ta' etajiet differenti kollha.

L-ogħla bidla ġiet irreġistrata bejn dawk li ilhom irreġistraw bejn 21 sa 52 ġimgħa - għalkemm meta mqabbel ma' Frar tas-sena l-oħra, kien hemm tnaqqis f'kull grupp irrelevanti minn kemm ilhom jirreġistraw. L-ammont ta' nies b'diżabilità li kienu qed jirreġistraw naqas b'112 - fejn issa hemm 423 persuna b'diżabilità tirreġistra għax-xogħol, fejn 81.6% huma irġiel.

L-aktar xogħlijiet li fittxew irġiel li qed jirreġistraw kienu dawk bl-idejn u xogħlijiet manwali b'17.3%. Min-naħa l-oħra n-nisa l-aktar li fittxew xogħlijiet bħalma huma clerks u support workers bi 24.9%.

Fl-istess ħin kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 420 persuna fin-nies jirreġistraw li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qiegħda meqjusa l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser li tnaqqis ta’ 13% mil-livell ta’ sena qabel.
 

More in Politika