Il-Police Officers’ Union affiljata mal-General Workers Union tħeġġeġ lill-Gvern biex jibda proċess li permezz tiegħu tkun irranġata l-anomalija u x-xogħol meqjus ‘extra’ tal-pulizija ma jibqax ikun inkluż bħala żieda fil-paga. Din iż-żieda fil-paga qed twassal għal ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul għola. Il-POU qed tipproponi li dan għandu jkun separatament intaxxat b’rata ta’ 15%. L-irranġar ta’ din l-anomalija kienet waħda mill-proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Il-POU tistqarr li x-xogħol ‘extra’ ma jsirx mill-uffiċjali tal-pulizija bħala parti mill-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom, jew bħala overtime. Iżda jsir f’isem il-korp, meta l-istess Korp tal-Pulizija jkun mitlub minn istituzzjonijiet, kumpaniji u minn individwi privati biex jipprovdi preżenza ta’ pulizija. Għaldaqstant ix-xogħol ‘extra’ mhux biss isir meta l-uffiċjal tal-pulizija jkun fil-ġurnata ta’ mistrieħ tiegħu, iżda anke jitħallas b’rata fissa li mhijiex l-istess waħda li bih jitħallas l-overtime.
F’dak li għandu x’jaqsam overtime il-POU qed titlob li wasal iż-żmien li jingħata kumpens adegwat lil dawk il-pulizija li snin ilu ħadmu sigħat ta’ xogħol overtime u sal-lum baqgħu qatt ma tħallsu tiegħu.