Il-Moviment SHout kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa jinnota l-kummenti tal-President tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Joe Perici Calascione l-bieraħ waqt xandira mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir fuq TVM2.
Il-bieraħ il-president tal-FKNK Joe Perici Calascione publikament stqarr li jekk l-IVA titlef ir-referendum il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi ser tfittex rimedji legali biex titreġġa’ lura d-deċiżjoni.
Ix-SHout tistqarr li din hija dikjarazzjoni sorprendenti u xokkanti meta tqis li referendum abrogativ huwa deċiżjoni meħuda purament mill-poplu, proċess demokratiku li qed isir b’rispett sħiħ għal-liġi tal-pajjiż. Fuq kollox ix-SHout hija ċerta li l-gvern u kwalunkwe partit politiku jirrispetta l-verdett tal-poplu.
Ix-SHout tiddikjara li dan l-atteġġjament juri bl-iktar mod ċar li l-Federazzjoni tal-Kaċċaturi għadha ma fehmitx li r-regola bażika f’demokrazija hi li r-rieda tal-poplu hija suprema.
Rigward il-kummenti ta’ Perici Calascione li kollox, inkluż l-għasafar, irid imut u li dan b’xi mod jiġġustifika l-kaċċa għall-għasafar fir-rebbiegħa, ix-SHout tfakkar li l-argument bażiku huwa sempliċi: illum l-ebda kaċċa f’Malta ma ssir għall-ikel. Il-qtil tal-għasafar f’Malta jsir sempliċiment għall-gost u mhux għall-bżonn. Fid-dinja moderna – u b’mod speċjali fl-Ewropa – il-qtil tal-għasafar fir-rebbiegħa huwa pprojbit u mhuwiex legali.