
Futur aħjar għal pajjiżna, għall-ambjent u għall-ġenerazzjonijiet futuri - SHout
SHout iħeġġu lin-nies jivvutaw LE nhar is-Sibt li ġej - f'attività ġimgħa qabel referendum storiku
minn Staff Reporter

“Dan huwa t-tielet referendum f’Malta fi 11-il sena, imma dan huwa l-ewwel wieħed li qed isir għax talbuh il-Maltin u l-Għawdxin, wara li iktar minn 41,000 ċittadin iffirmaw petizzjoni biex titneħħa liġi eżistenti. Dan għamluh għax jafu li flimkien nistgħu nġibu bidla." Dan qalu l-kelliem għax-SHout Mark Sultana, hekk kif tkellem dwar kemm referendum ta’ din ix-xorta huwa importanti għad-demokrazija f’Malta. Biex ikun validu dan ir-referendum irid jivvota aktar minn 50% tal-elettorat.
“Dan ir-referendum issejjaħ għax irridu noħolqu futur aħjar għal pajjiżna, għan-natura u għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada,” qal Mark Sultana. “Qed jagħmlulna kuraġġ in-numru kbir ta’ nies li wrew li bi ħsiebhom joħorġu jivvutaw, u l-eluf li ġabru d-dokument tal-vot f’dawn l-aħħar jiem. Kull min għad irid jiġbor id-dokument issa jista’ jagħmel dan min-Naxxar, u mhux mill-Belt.”
Mark Sultana qal li vot LE huwa importanti għall-għasafar peress li Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadha toqtol il-gamiem u s-summien waqt il-passa tagħhom biex ibejtu. “Fi żmien l-Għid il-ħsieb tagħna jdur fuq il-kunċett ta’ ħajja ġdida u ta’ tkattir,” qal Mark Sultana. “L-għasafar li jkunu qed ipassu minn Malta jkunu fi triqthom lejn l-Ewropa biex ibejtu, biex ibidu, biex irabbu frieħ ġodda. Tajjeb ma ninsewx li minħabba l-kaċċa fir-rebbiegħa li ssir f’pajjiżna, kull rebbiegħa ħa jinbiedu mal-190,000 bajda inqas.”
“Issa għandna ċ-ċans li nipproteġu dawn l-għasafar u nipproteġu l-kampanja tagħna. Nistgħu nwegħdukom ħaġa waħda: li jekk tinqata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa, ħa jkollna iktar għasafar ħajjin u iktar għasafar ibejtu fil-Gżejjer tagħna. Is-snin 2008 u fl-2009 kienu sentejn li fihom il-kaċċa fir-rebbiegħa kienet sospiża, f’dawk is-sentejn rajna għasafar sbieħ li bdew ibejtu u jrabbu l-frieħ tagħhom f’Malta, għasafar bħal ħuttaf, rundun, spanjuletti u qerd in-naħal.” żied jgħid Mark Sultana
Tkellmet ukoll il-kelliema għax-SHout Moira Delia, fejn saħqet fuq l-importanza ta’ vot LE għall-familji Maltin, u dwar kif tkun kampajna mingħajr kaċċa fir-rebbiegħa. “Kulħadd jaf x’inhi r-realtà tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Hija terribli, kiefra u negattiva. F’ġieħ il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, huwa importanti ħafna li lkoll nivvutaw LE."
Qalet ukoll li “Dan ir-referendum qed isir ħalli n-nies minn jeddhom ħa jkunu qed iniedu bidla f’pajjiżhom stess. B’vot LE, in-nies ħa jwaqqfu lill-kaċċaturi milli jkomplu joqtlu l-għasafar li sejrin ibejtu, u jwaqqfu l-massakru ta’ għasafar protetti li jkunu qed ipassu. Vot LE jagħti l-kampanja lura lill-Maltin u lill-Għawdxin. Vot LE jtella’ lil Malta għal-livell tal-bqija tal-Ewropa.”
Mark Sultana tkellem ukoll dwar dak li qiegħed jingħat mill-moviment IVA fejn qal li “Mhu veru xejn li fl-Ewropa jittolleraw il-kaċċa fir-rebbiegħa. Bil-maqlub, Malta tispikka proprju għax hi biss għadha tħalli l-qtil ta’ għasafar tal-passa fir-rebbiegħa.”
Il-kelliem għax-SHout Saviour Balzan fakkar fil-ħafna tixrid ta’ biża’ dwar li delizzji oħrajn huma mhedda. “Qed nirreferi b’mod speċjali għall-każini tal-baned, għad-dilettanti tan-nar, dilettanti tas-sajd u tal-ħamiem, kollezzjonisti ta’ armi tradizzjonali. Hija gidba sfaċċata li wara l-kaċċa fir-rebbiegħa jista’ b’xi mod imiss lilhom", fejn żied jgħid li “l-liġi tar-referendum ilha magħna għexieren ta’ snin. Li qed jiġri llum huwa minħabba dak li l-kaċċaturi qegħdin jagħmlu lill-għasafar fir-rebbiegħa, xejn iktar, xejn inqas."
Hekk kif il-kampanja referendarja daħlet fl-aħħar ġimgħa, Saviour Balzan irringrazzja lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-PN Simon Busuttil għall-pożizzjoni li ħadu. “Huma ddeċidew li bħala mexxejja jħallu lin-nies ħielsa biex jivvutaw kif iridu. Dan juri maturità politka,” qal Saviour Balzan.
Mark Sultana rrefera għal dak li ntqal aktar kmieni din il-ġimgħa “Smajna dil-ġimgħa li jekk il-LE jirbaħ, il-kaċċaturi bi ħsiebhom jippruvaw jiġġieldu biex iwaqqgħu d-deċiżjoni. Din stqarrija inkredibbli, stqarrija li aħna ċerti li ebda mill-mexxejja politiċi ma jaqblu magħha.”
“Aħna nħeġġukom ilkoll biex taħtfu din l-opportunità biex tieħdu deċiżjoni pożittiva għall-futur tal-għasafar, tal-kampanja u ta’ pajjiżna,” temm jgħid Mark Sultana. “Is-Sibt li ġej oħorġu vvutaw LE.”