Jinġabru 14,000 elf tunnellata skart
Żieda ta’ 33 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel
More in Politika
Żieda ta’ 33 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel
Is-sena li għaddiet, id-Direttorat tat-Tindif, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ġabar mal-14,000 elf tunnellata skart minn postijiet pubbliċi u żoni industrijali.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li din iċ-ċifra tfisser żieda ta’ 33 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, u dan ifisser żieda fl-effiċjenza riżultat tar-riformi li saru, kemm fir-riżorsi umani, speċjalment f’żoni turistiċi kif ukoll permezz ta’ investiment f’makkinarju aktar speċjalizzat fit-tindif.
Huwa qal dan fil-bidu ta’ attivita ta’ tindif, organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Floriana, li matulha ħadu sehem numru kbir ta’ residenti u impjegati li jaħdmu l-Floriana u għaqdiet ambjentali, bit-tema “Żomm l-Indafa fil-Floriana”.
Il-Ministru Joe Mizzi, filwaqt li faħħar inizjattivi bħal dawn li jkomplu jkattru l-kuxjenza dwar il-bżonn ta’ indafa f’pajjiżna, qal li minkejja li d-Direttorat tat-Tindif huwa responsabbli minn postijiet pubbliċi, toroq arterjali, żoni turistiċi u bajjiet, jagħti assistenza kbira lill-Kunsilli Lokali, bħal ma sar f’din l-attivita.
Il-Ministru esprima d-diżappunt tiegħu li għad hawn min mhuwiex konxju tar-responsabbiltajiet li għandu u minkejja s-servizzi mingħajr ħlas li jeżistu, xorta waħda jiddisponi f’postijiet pubbliċi. Ħafna drabi, ġimgħa biss wara li jkunu tnaddfet żona partikolari, jerġa’ jintefa’ ammont ta’ skart fiha.
Huwa semma l-kampanja tad-Direttorat, “Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek” u qal li s-sena li għaddiet, id-Direttorat xtara b’madwar tlett mitt elf ewro makkinarju speċjalizzat fit-tindif. Temm jgħid illi kieku n-nies isiru aktar konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom, l-ispiża tad-Direttorat u l-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu utilizzati fi proġetti oħrajn tal-Gvern.