Tlett popli, tlett reliġjonijiet u tlett kulturi flimkien

“Għalkemm tlett religjonijiet differenti, aħna lkoll "aħwa" għax it-tlieta li aħna nirrikonoxxu lil Alla Ħallieq” - L-Isqof Mario Grech 

 

Proġett li qed jaħdem fuqu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jikkonsisti f’dak li jista’ jkun meqjus bħala wieħed uniku hekk kif binja waħda se tospita tlett reliġjonijiet taħt l-istess saqaf, Kattoliċi, Lhud u Musulmani.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta u li huma qrib sew tal-Ministru Anton Refalo qalu li l-Ministru Għawdxi hu bniedem intiż ħafna fl-arti. “Anton minn dejjem kien joħlom li  jħalli monument f’Għawdex mibni mill-perit famuż Malti Richard England.” Fil-fatt il-Perit England diġa għamel il-pjanta għal din il-‘knisja’ unika u li din il-gazzetta qed taqsam mal-qarrejja bil-permess tiegħu.

Il-fatt uniku dwar din il-‘knsija’ hu li se tkun qed isservi ta’ post ta’ talb għal tlett reliġjonijiet differenti. Tlett reliġjonijiet li meta wieħed iħares lejn dak li qed jiġri fid-dinja, l-popli li jħaddnu dawn ir-reliġjonijiet xejn m’huma fuq in-naħa paċifika mil-mod ta’ kif iħarsu lejn xulxin. L-għan ta’ din il-‘knisja’ u li tgħaqqad dawn ir-reliġjonijiet taħt l-istess saqaf.

Tliet popli, tliet reliġjonijiet , tliet kulturi differenti. U dan hu li se tilħaq din il-‘knisja’ hekk kif fiha se tilqa r-reliġjon Lhudija, Musulmana u dik Kattolika flimkien. Tliet reliġjonijiet taħt saqaf wieħed, tliet knejjes taħt saqaf wieħed. Jiġifieri moskeja, sinagoga u knisja mibnija b’mod mill-aktar modern mill-arkitett Malti Richard England. Xi ħaġa li bħalha fid-dinja ma teżistix.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li l-Ministru Anton Refalo diġa tkellem mal-Isqof t’Għawdex Mario Grech, mal-Immam Musulman u mar-Rabbi Lhudi dwar din il-proġett li jixtieq iwettaq u jidher li lkoll urew interess pożittiv fiha.

Għalkemm s’issa dan il-proġett arkitettoniku għadu biss fuq il-pjanti, l-ILLUM hi nfurmata li diġa bdew it-taħdidiet mat-tliet reliġjonijiet fejn jidher li dawn anke jistgħu jidħlu mal-gvern biex jiffinanzjaw parti mill-bini ta’ dan il-proġett.

l-ILLUM għandu nformazzjoni wkoll dwar il-lokalità fejn din il-‘knisja’ monument hu ppjanat li għandha tinbena. Il-lokalità taħt il-lenti għal dan il-proġett hi n-naħa ta’ barra tax-Xewkija eżatt wara l-Gozitano, viċin il-Gozo Stadium.

Intant, mitlub jikkummenta fuq dan il-proġett, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li preżentement qed ngħixu f'soċjeta fejn għal xi raġuni jew oħra xi uħud bħal donnhom iddejqu bil-fenomenu reliġjuż. “Huwa evidenti li wħud għandhom fehmiet żbaljati dwar Alla; oħrajn għandhom għatx kbir għal Alla bit-tama li jsibu t-tweġibiet għal mistoqsijiet profondi li għandhom.  Barra minhekk f'dinja globalizzatta, qed jikber id-djalogu kulturali u reliġjuż.”

L-Isqof Grech kompla jgħid f'dan il-kuntest hu jara l-proġett bħala wieħed interessanti ħafna u li dak li qed jagħmel il-Perit Richard England fid-disinn tiegħu hu li jqarreb flimkien il- kristjani, il-Lhud u l-musulmani. “Għalkemm tlett religjonijiet differenti, aħna lkoll "aħwa" għax it-tlieta li aħna nirrikonoxxu lil Alla Ħallieq.  Bħala Kattoliċi għandna stima u rispett lejn ir-reliġjonijiet kollha, imma b'mod partikulari dawn it-tnejn.”

Temm jgħid li l-Koncilju Vatican II tana d-dokument Nostrae Aetate dwar ir-relazzjonjiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux insara. “Wieħed jittama li dan il-monument propost b'xi mod jew ieħor jgħin lill-bniedem jimla l-vojt eżistenzjali tiegħu.”

 

More in Politika