Referendum - Nivvutaw LE għall qtil bla rażan

Ir-referendum ta’ nhar is-Sibt mhux biss dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, imma wkoll dwar kemm kbirna bħala Maltin 

Ninsabu ftit jiem il-bogħod milli nkunu nafu r-riżultat tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa – referendum li bħall-għasafar li jpassu minn fuq Malta sabiex ibejtu fit-Tramuntana tal-Ewropa – kellu triq twila.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa kien argument li l-partiti l-kbar dejjem żgiċċaw – għalkemm kien hemm sforzi fil-passat sabiex ikun hemm regolamenti u limiti aktar stretti. Għalxejn kienet iċ-ċanfira tal-Kummissjoni Ewropea fuq Malta fl-2009 li ddikjarat li Malta fetħet l-istaġun tal-kaċċa b’mod irregolari, għax hekk kif bħal student imqareb li donnu ma jridx jaf b’xejn – minn widna daħlet, u mill-oħra ħarġet - ukoll b’episodji ta’ vjolenza u vvandalizzar. Dan ir-referendum ġie wara li għal snin sħaħ kien hemm apatija u forsi xi ftit ukoll ta’ biża’ mill-partiti politiċi li jindirizzaw din il-kwistjoni, biża’ li jintilef xi vot jew ieħor – u bid-determinazzjoni tal-lobby kontra l-kaċċa raw li referendum biss tista’ tittieħed deċiżjoni.

Donna għandna bżonn tal-politiċi li b’wegħda jew oħra jieħduna minn idejna sal-post tal-vot, u jgħinuna nitfgħu l-vot fil-kaxxa wkoll – qisna tfal tal-iskola. Għandna bżonn lil min iħeġġiġna biex noħorġu nagħmlu dak li f’pajjiż demokratiku huwa dmir – li toħroġ tivvota. Dan kien referendum li l-partiti ħallew f’idejn kull individwu biex jiddeċiedi u jivvota skont dak li jaħseb li hu ġust hu – u mhux skont dak li jgħidulu li hu ġust huma. Imma, xorta fadal 36,000 li jew dak li hu ġust ma jafuhx, jew ma jridux jsemmgħuh – ma jridux jagħmlu differenza.

Ir-referendum ta’ nhar is-Sibt mhux biss dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, imma wkoll dwar kemm kbirna bħala Maltin – kemm kbirna li nafu nieħdu deċiżjoni waħidna dwar kwistjoni li anke jekk forsi jista’ jkun li ma taffettwanix direttament, taffettwana bħala pajjiż – deċiżjoni li rridu nagħmlu aħna – kemm sewa li nagħmluha mal-kbar biex insiru kbar bħalhom, nafu naħsbu u fuq kollox ma nibżgħux nieħdu r-responsabilità ta’ pajjiżna billi nivvutaw. Hu referendum dwar jekk għadniex pajjiż li ninjoraw kull ħaġa li ma tkunx miżbugħa blu jew ħamra.

Il-kittieb George Orwell kien qal li “l-annimali kollha ugwali, ħlief dawk l-annimali li huwa ugwali aktar mill-oħrajn” – u donnu kellu raġun. Qisna aħna l-bnedmin ħadna xi dritt divin li nagħżlu aħna liema annimali nistgħu nisparaw fuqhom jew le. Li tispara fuq kelb jew bniedem reat, imma li tispara fuq għasfur delizzju. Jingħad li hu delizzju sostenibbli għax “hawn ħafna aktar għasafar” – bl-istess mod li fid-dinja hawn ħafna aktar bnedmin milli jifilħu r-riżorsi tagħna – imma ħadd ma jqis traġedji li qed naraw dan l-aħħar fejn bniedem jiftaħ in-nar u joqtol għexieren ta’ nies bħala delizzju. Dawn npoġġuhom fuq l-ewwel paġna tal-gazzetti u, speċjalment jekk il-vittmi jkunu għadhom żgħar, nitħassruhom u ngħidu li bilkemm kienu għadhom għexuha ħajjithom – ma ngħidux li dawn xorta kienu ħa jmutu – bħal ma qalu għall-għasafar.

Ilbieraħ iċċelebrajna l-Għid il-Kbir – il-festa li tiċċelebra l-qawmien mill-mewt tal-ħallieq ta’ kollox – għal min jemmen. U qas min ma jemminx, ma jistax ma jagħrafx li dak l-għasfur li qiegħed jisfa’ attakkat minn kaċċatur, qabel biss ikollu ċans jirripproduċi, mhu ta’ ħadd - ħadd m’għandu dritt jagħmlu tiegħu, u wisq anqas jispara fuqu. 

More in Politika