“Ir-residenti tal-qasam tad-djar f'Erba' Mwieżeb ġew traduti minn dan il-Gvern b'wegħdiet li ma nżammux." Dan kien il-kliem tal-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-PN, Ann Fenech f'konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat quddiem l-istess qasam tad-djar f'Erba' Mwieżeb.
Fenech fakkret f'dak li kien qal u wiegħed il-Prim Ministru, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Hemmhekk, kien wiegħed li se ssir riġenerazzjoni taż-żona sabiex ir-residenti ma jibqgħux aktar residenti tat-tieni klassi.
"Hawnhekk kien hawn żdingar totali," kompliet tgħid Fenech waqt li wriet il-preżentazzjonijiet li kien ippropona Joseph Muscat dak iż-żmien. Il-proġett li kien se jkun jiswa madwar €400,000 kellu jinkludi bosta faċilitajiet fosthom faċilitajiet ta' rikreazzjoni, wi-fi u kameras tas-CCTV.
"Tliet snin wara, ghadu ma sar xejn u r-residenti ġew relegati għat-tielet klassi," kompliet tispjega Fenech.
Saħqet ukoll li dan ma kienx każ iżolat u l-Gvern kien għamel diversi wegħdi li ma setax iżomm, fejn semmiet il-wegħda tal-power station li kellha tinbidel minn power station li taħdem bil-heavy fuel oil għall-gass, bħala eżempju.
Il-kelliem Nazzjonalista għall-Gvern Lokali, David Agius qal kif taħt maġġoranza Laburista, dan il-kunsill ta' San Pawl il-Baħar ra tlett snin ta' instabbiltà.
“Ir-residenti ta' din il-lokalità jixirqilhom l-istabbilità u li l-proġetti fil-fatt isiru. Dawn l-elezzjonijiet għandhom ikunu opportunità għar-residenti biex jaraw il-bidliet li jridu," żied jgħid Agius.
Fenech żiedet tgħid li l-effettività ta' kunsill lokali b'maġġoranza nazzjonalista tidher f'kunsilli lokali tal-madwar bħal fil-Mosta, fejn il-kunsill wettaq ħafna mill-proġetti u tisbiħ li kien wiegħed.