Il-PL jistenna li l-kunsilliera jġibu l-interessi tar-residenti qabel dawk tal-partit

Il-Partit Laburista jemmen li l-kandidati tiegħu jistgħu jirriflettu l-istess enerġija li għandu l-gvern fil-Kunsilli Lokali tagħhom

Il-prijoritajiet tal-kunsilli lokali b'maġgoranza Laburista se jkollhom bħala prijoritajiet tagħhom, l-indafa, is-sigurtà, l-manutenzjoni tat-toroq, konsultazzjoni, parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, edukazzjoni u servizzi għall-anzjani. Dan qaluh il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-gvern Loakli Stefan Buontempo, waqt konferenza għall-aħbarijiet f'Ħal-Safi.

Waqt li Bonnici ħeġġeġ lir-residenti sabiex jivvutaw għall-kandidati Laburisti nhar is-Sibt li ġej, qal li l-kunsilli b'maġġoranza Laburista jistgħu jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tar-residenti. "Nistennew li l-kunsilliera Laburisti jaħdmu bl-istess enerġija li qed jaħdem biha l-Gvern," kompla jgħid Bonnici.

Il-Ministru qal li l-kunsilli lokali b'maġġoranza Laburista, jikkonsultaw iktar mar-residenti, jisimgħu aktar lill-komunità u l-bżonnijiet tagħha. Inkoraġixxa lill-kunsilli wkoll biex iżidu l-programmi ta' exchanges għaż-żgħażagħ, u b'hekk dawn tal-aħħar ikunu qed jinvolvu ruħhom aktar fix-xogħol tal-kunsilli.

Buontempo ħeġġeġ lill-kunsilliera biex jibqgħu leali lejn ir-residenti tagħhom u jpoġġu l-interessi tagħhom l-ewwel, qabel l-interessi tal-partit politiku li jirrapreżentaw.

More in Politika