Iċ-chairperson ta' Alternattva Demokratika Arnold Cassola wera t-tħassib tiegħu għal dak li qed jiġri fil-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ hekk kif dan il-kunsill qed jaħdem bid-dejn.
Meta kien qed jitkellem f'konferenza tal-aħbarijiet f'din il-lokalità, Cassola ddeskriva l-infiq tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ bħala wieħed misterjuż meta tara li hemm dejn ta' €1,300,000 waqt li t-toroq f'din il-lokalità għadhom juru nuqqas kbir ta' attenzjoni, minkejja l-eluf ta' euro li ntefqu f'konsulenzi.
Il-kandidata tal-AD f'din il-lokalità, Monique Agius qalet li mil-laqgħat tagħha mar-residenti tal-lokal, jidher biċ-ċar li t-telqa li hemm fil-lokal hi tema prominenti. Innutat ukoll li diversi torow ġew ippaċjati fl-aħħar ftit ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni u li l-kuntrattur responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet kien kunsillier u kandidat tal-PN.
Il-kandidata qalet li hemm bżonn ta' iktar trasparenza fil-kunsill lokali, waqt li ġibdet l-attenzjoni fuq diversi rapporti ta' kumpanija privata li rċeviet €30,000 f'servizzi ta' konsulenza. "X'jista' jagħmel kunsill lokali ġdid, meta l-fondi allokati diġà mhumiex biżżejjed biex il-kunsill jopera b'mod normali, u issa jridu jintużaw biex jitħallas lura dan id-dejn ta' €1,300,000?" staqsiet Agius.