Il-wegħda tal-accountability kienet biss ħrafa – Beppe Fenech Adami

Il-kelma ta’ Joseph Muscat ma tgħodd xejn

Il-kelma ta’ Joseph Muscat ma tgħodd xejn - Beppe Fenech Adami
Il-kelma ta’ Joseph Muscat ma tgħodd xejn - Beppe Fenech Adami

“Sentejn ilu, Joseph Muscat ibbaża l-kampanja elettorali tiegħu fuq il-wegħda tal-accountability. Illum, il-poplu Malti u Għawdxi kollu rrealizza li dik il-wegħda kienet biss ħrafa, bħal ħafna wegħdiet oħra. Minn din il-wegħda li taret mar-riħ, joħroġ ċar kemm il-kelma ta’ Joseph Muscat ma tgħodd xejn.” Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li trattat il-wegħda tal-accountability.

Fenech Adami spjega kif Joseph Muscat falla fit-tliet wegħdiet kbar li għamel, jiġifieri l-accountability, t-trasparenza u l-meritokrazija, għaliex ma żamm mal-ebda waħda minnhom. “Hemm tliet eżempji konkreti ta’ kemm il-kelma ta’ Joseph Muscat ma’ tiswa xejn u li juru biċ-ċar kif kiser il-wegħda tiegħu. Dawn huma ż-żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali li jċanfar għal darba darbtejn – l-ewwel lil Joseph Muscat b’mod personali, imbagħad lill-Ministru favorit tiegħu, Konrad Mizzi fl-iskandli tal-Cafe’ Premier u tas-SOCAR, u l-wegħda tal-Powerstation li ma saritx fi żmien sentejn, kif wiegħed.”

Il-kelliem kompla jgħid “Kif jistgħu l-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi jiffaċjaw lill-media u lill-poplu Malti u Għawdxi qisu xejn mhu xejn, meta l-kundanna nqatgħet kontrihom u huma ma ġarrew l-ebda forma ta’ responsabbiltà politika?” Saħaq li l-kundanna ma saritx mill-Partit Nazzjonalista jew mill-media tiegħu, iżda mill-Awditur Ġenerali. “Joħroġ ċar li Muscat u Mizzi anke minn dak li jgħid l-Awditur Ġenerali huma indifferenti,” sostna Beppe Fenech Adami.

Ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli tkellmet dwar l-akbar wegħda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ accountability li Muscat falla fiha kienet dik li jekk ma jibnix Powerstation fi żmien sentejn jirriżenja. “Dan huwa Prim Ministru li jitkellem u jwiegħed ħaġa, u fl-istess ħin jagħmel kompletament bil-maqlub,” qalet Marthese Portelli. Hi fakkret li l-Partit Nazzjonalista kemm-il darba ġibed l-attenzjoni lil Muscat li qatt ma seta’ jkun li jibni Powerstation fi żmien sentejn, iżda Muscat baqa’ jwebbes rasu. “Dan mhux il-mod kif wieħed jagħmel il-politika – s-serjetà titlob ferm aktar minn hekk,” qalet Marthese Portelli.

Minn naħa tagħha, l-MEP u Shadow Minister tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola qalet li hija ħasra li llum-il ġurnata, għadna nitkellmu dwar u niddibattu tema bħalma hija dik tar-responsabbiltà politika. Roberta Metsola qalet li verament, f’pajjiżna wasal iż-żmien li l-politiċi kollha, huma ta’ liema partit huma, jkunu accountable għal għemilhom. “Huwa b’hekk biss li aħna l-politiċi nistgħu nerġgħu nibdew nakkwistaw il-fiduċja tan-nies fi djarhom – meta jaraw persuni responsabbli fit-tmexxija tal-pajjiż,” qalet Roberta Metsola. Hi sostniet li anke fuq livell lokali, huwa importanti li kull persuna li tingħata l-fiduċja, tkun kapaċi ssarraf dik il-fiduċja f’serjetà u responsabbiltà.

 

More in Politika