
“Li kieku jien implikat fl-iċken abbuż, jien nitlaq mill-kariga tiegħi” – Chris Said
Waqt il-programm Reporter Chris Said qal li m'għandux problema jirrispondi d-domandi dwar il-każ t'Għawdex

More in Politika
Waqt il-programm Reporter Chris Said qal li m'għandux problema jirrispondi d-domandi dwar il-każ t'Għawdex
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk jinstab li hu għandu x'jaqsam mal-każ tal-allegat xogħlijiet fuq postijiet privati minn fondi pubbliċi, lest li jirriżenja mill-kariga tiegħu, għaliex hu m'għandux x'jaqsam ma' dan kollu.
Dan qalu waqt il-programm ta' diskussjoni Reporter li flimkien mas-Segretarju Parlamentari Ian Borg u ċ-chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola ddiskuter l-aħħar ħamest ijiem qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Dwar il-każi tal-allegat xogħlijiet fuq postijiet privati minn kuntratturi, mħallsa minn fondi pubbliċi, Said insista li hu ma kellu xejn x'jaqsam u l-laqgħa li hu kellu ma' wieħed mill-whistleblowers ma kellhiex x'taqsam ma' dan il-każ. "Il-whistleblower ġie għandi biex jitkellem fuq xi pendenzi u mhux fuq il-każ tal-whistlebower,” kompla jgħid Said.
Said ammetta li l-whistleblower talbu jitkellem mas-Sindku tal-Għarb f'ismu, u għaldaqstant Said kellem lis-sindku, li min-naħa tiegħu sostna li ma kellu jagħti l-ebda flus lill-kuntrattur. Min-naħa tiegħu Said, qal b'dan lill-kuntrattur, waqt li tah parir biex jfittex xi għajnuna legali.
Chris Said, semma kif il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo kien jaf b'dan il-każ minn tal-anqas minn Novembru tal-2014 u għaldaqstant saqsa kif, "Jekk kien hemm min kien jaf 6 xhur qabel ma bdew jinvestigaw il-pulizija, x’ġara f’dawk is-6 xhur?”
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Ian Borg issimpatizza mal-pożizzjoni ta' Said waqt li ta t-tort lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, “Għaliex mar lura flok ’il quddiem fuq dak li pprova jdaħħal Lawrence Gonzi – li jibgħat in-nies għand il-pulizija minflok jieħu deċiżjoni hu.”
Iċ-chairperson tal-AD min-naħa tiegħu qal li t-tort kien tal-ultura li tħalliet titrabba, "“L-ikbar skandlu hu li huwa normali li r-raġel ta’ ministru jaħdem ma’ kuntrattur li jagħmel xogħlijiet pubbliċi u l-mara tal-Ministru Refalo tieħu transfer għal mal-Ministeru ta’ żewġha.”
Meta mistoqsi, għalfejn jaħseb li l-Partit Laburista għad għandu trust ratings għoljin meta mqabbla mal-Partit Nazzjonalista, Chris Said sostna li dan jista' jkun minħabba diversi fatturi kosthom il-fatt li l-PN qed jerġa' jibni lilu nnifsu bħala partit u “għandna Gvern li għadu ġdid u li kollox jiżloq minn fuqu.” Dan għaliex, “meta jkollu rapporti skjaċċanti kontrih, Il-Prim Ministru joħroġ xi ħaġa mill-komma bħalma għamel f’dan il-każ ta’ Għawdex.”
Meta t-tlett partit ġew mistoqija x'jikkostitwixxi riżultat sodisfaċenti għalihom, kollha kellhom tweġibiet pjuttost mhux daqstant ottimisti. Għal Chris Said, “Riżultat sodisfaċenti jkun wieħed li jkun aħjar minn ta’ 3 snin ilu.” Fl-istess waqt, is-Segretarju Parlamentari, fakkar kif “Huwa fatt li l-PL kien jieħu tkaxkira f’kull elezzjoni ġenerali imma kien jirbaħ l-elezzjonijiet l-oħra.”
Min-naħa tiegħu, Arnold Cassola qed jittama li l-andament tal-partit ikun aħjar minn snin ta' qabel, waqt li semma diversi raġunijiet għalfejn l-AD qatt ma għamlet impatt daqs kemm xtaqu. “Tort tal-mentalità bipartitika li hawn f’Malta ma kienx hawn l-iżblokk fit-tielet partit, u forsi anke aħna ma konniex konvinċenti,” temm jgħid Cassola.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-PN temm billi qal, “ Ejja nagħżlu l-aħjar nies għal dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.”
Reporter jixxandar kull nhar ta' Tnejn fid-20.40 fuq TVM2, b'ripetizzjoni eżattament wara fuq TVM.