“Meta nhar is-Sibt se jkun qed imur jitfa’ l-vot tiegħu, l-poplu Mosti għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu wara li jqabbel it-tmexxija tal-Kunsill Lokali fl-aħħar tliet snin b’maġġoranza Nazzjonalista, mat-tmexxija tal-Kunsill Lokali fil-ħames snin ta’ qabel b’maġġoranza Laburista. Id-differenza hija waħda ċara : minn Kunsill Lokali li ma jiffunzjonax għal Kunsill Lokali li ħadem mingħajr kontroversji.” Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Wied l-Isperanza fil-Mosta.
De Marco qal li Wied l-Isperanza fil-Mosta hu eżempju konkret ta’ proġett li sar mill-Kunsill Lokali f’din il-leġiżlatura. “F’din iż-żona biss, sar restawr tal-pont, tindif tal-Wied, tħawwil ta’ pjanti kif ukoll ġie ffurmat pajsaġġ fil-Wied. Dan hu proġett li qed igawdu minnu mhux biss il-Mostin, iżda anke l-poplu Malti u t-turisti li jżuru dan il-post.”
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ proġetti oħra li saru f’din il-leġiżlatura fosthom ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Santa Margerita li ġie nawgurat is-Sibt li għadda. “Tliet snin ilu, r-residenti tal-Mosta kienu rrabjati għall-fatt li l-Kunsill ma kienx jagħmel toroq ġodda. Illum, id-differenza fit-toroq tal-Mosta tinħass.”