Il-General Workers Union iddiżassoċjat ruħha mill-pożizzjoni tal-editorjal li ħadet il-gazzetta li tagħha hi sid. Dan għamlitu filwaqt li qalet lill-membri tagħha li huma kienu liberi li jivvutw kif jixtiequ fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa nhar is-Sibt, 11 ta' April.
Fil-gazzetta, illum l-Erbgħa intqal biex il-qarrejja tal-ġurnal juru l-appoġġ tagħhom għall-vot tal-IVA biex il-kaċċaturi jżommu d-deroga li tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Il-pożizzjoni tal-ġurnal ġiet tlett ijiem wara li telaq il-kap tal-istess ġurnal, Sandro Mangion, wara li kien ħa pożizzjoni personali ċara kontr l-kaċċa fir-rebbiegħa u ddikjara li se jivvota le.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li bħala union ppruva iżżomm 'il bogħod mill-kontroversja dwar il-kaċċa u qalet li filwaqt li fehmet li l-gazzetta ħasset il-bżonn li tiddikjara l-pożizzjoni tagħha, il-pożizzjoni ma kinetx l-istess waħda bħal tal-union.
Il-union, għandha dispjaċir li 'l-orizzont' tat l-impressjoni li qed jappoġġjaw naħa waħda tar-referendum.