Appell biex jingħataw d-dokumenti tal-vot lill-pazjenti

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li min iżomm vot mhux tiegħu jista' jeħel sa €1,164 multa

Il-Kummissjoni Elettorali toħrog appell lill-qraba tal-votanti li jinsabu rikoverati fl-isptarijiet Mater Dei, Karen Grech, Monte Karmeli u fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex (li kienu hemm reġistrati bħala pazjenti sas-6pm tat-Tnejn 6 ta’ April) sabiex jekk għad għandom id-dokumenti tal-vot tal-pazjent, għandhom jagħtu dan id-dokument jew dokumenti immedjatament lill-pazjent - biex ikun jista’ jivvota fl-isptar fejn hu rikoverat għada l-Ħamis, 9 ta’ April.
 
Il-Kummissjoni tfakkar li min iżomm dokument tal-vot ta’ ħaddieħor ikun qiegħed effettivament iċaħħadlu d-dritt tal-vot u dan hu kontra l-liġi, li tgħid li min “ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument għall-votazzjoni... hu ħati ta’ reat u jeħel, meta jinsab hekk ħati, multa ta’ mhux iżjed minn €1,164.69 jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sitt xhur, jew dik il-multa u priġunerija flimkien” (Art. 112, Kap. 354), filwaqt li tavża li meta jinqala’ każ bħal dan, tiddaħħal l-Awtorità tal-Pulizija.

More in Politika