Referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa...It-triq minn hawn ’il quddiem
L-ILLUM tkellmet ma' numru ta' personalitajiet dwar x'għandu jsir jekk jirbaħ l-IVA jew jirbaħ l-LE
minn Veronica Lynn Mizzi
Arnold Cassola – Chairperson Alternattiva Demokratika
Is-sostenibbilità għandha tkun prijorità dejjem indipendentement minn kollox, u mhux biss fil-kaċċa għaliex hija importanti għall-bilanċ fil-ħajja tal-bniedem.
Ir-riżultat tal-elezzjoni għandu jkun rispettat u ovvjament il-kaċċa fl-istaġuni l-oħra tibqa l-istess għaliex dan kien referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Chris Said – Segretarju Ġenerali PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni
Ovvjament, ikollna nbaxxu rasna għar-rieda tal-poplu u l-appell huwa li kulħadd jaċċetta r-rżultat li joħroġ minn dan ir-referendum li huwa l-aqwa għodda ta’ demokrazija li għandna. Importanti wkoll li ż-żewġ movimenti, kemm tal-IVA kif ukoll tal-LE jkunu jaċċettaw id-deċiżjoni li jkun ħa l-poplu u nuru li aħna poplu demokratiku kif dejjem konna u naċċettaw ir-riżultati kif ikunu.
Ian Borg – Segretarju Parlamentari għall-Presidenza 2017 u l-Fondi Ewropej
Il-Gvern u l-Prim Ministru kemm-il darba esprimew li tkun xi tkun id-deċiżjoni, din se tiġi rrispettata. Dan fl-istess waqt li kull deputat Laburista esprima kif jaħsiha dwar dan għaliex il-Partit Laburista ma ntervjeniex fid-deċiżjonijiet individwali.
Wieħed naturalment jistenna li jkun imħares ir-riżultat u nkomplu ngħixu flimkien bħala soċjetà kif dejjem għamilna.
Partikolarment, fl-ewwel sigħat għandna nkunu responsabbli u nimxu b’rispet u tolleranza fiż-żewġ movimenti, b’mod speċjali kif nilqgħu din id-deċiżjoni.
Alex Saliba – President FZL
Il-poplu nhar is-Sibt, ikun tkellem u għażel bl-aktar mod demokratiku jekk jaqbilx li tiġi abolita l-kaċċa fir-rebbiegħa u għalhekk għandna nimxu mad-deċiżjoni tal-maġġoranza tal-poplu.
Żgur li nistenna maturità miż-żewġ naħat, ħadd m'għandu jkun 'il fuq mill-liġi u d-deċiżjoni tal-maġġoranza għandha tigi dejjem rrispettata. Nemmen li kemm il-kaċċaturi u kif ukoll l-ambjentalisti huma nies responsabbli u maturi biżżejed sabiex jirispettaw dan ir-riżultat u għalhekk ma narax li għandu jkun hemm problemi wara dan ir-riżultat.
Għanda dejjem inkomplu naħdmu sabiex inwaqqfu l-illegalitajiet fejn għandu x' jaqsam mal-prattika ta' kaċċa illegali u poaching però fl-istess ħin, m’għandniex nitfgħu lil kulħadd f'keffa waħda u nużaw l-istess riga sabiex mal-ħazin jeħel it-tajjeb ukoll. Jiġri x'jiġri wara dan ir-riżultat għandna dejjem inkomplu naħdmu sabiex nirrispettaw id-delizzji u t-tradizzjonijiet Maltin, tkun żgħira kemm tkun żgħira l-minoranza li tippratikahom. Fl-istess waqt għandna dejjem inkomplu naħdmu bħala pajjiż sabiex il-poplu tagħna jgawdi mill-istess drittijiet li jgawdu ċittadini oħra Ewropej.
Andrew Azzopardi
Ħafna drabi nifhmu kampanja li twassal għall-elezzjoni jew referendum eżatt wara li joħrog ir-rizultat!
Hemmhekk verament napprezzaw u nifhmu kemm l-istrateġija li tkun intużat kemm kienet effettiva jew le. Li hu żgur huwa li l-poplu f'din il-kampanja fehem aktar il-kaċċa fir-rebbiegħa x'inhi, l-impatt tagħha u l-kontro-argumenti lil hinn minn min rebaħ jew tilef.
Se jkun interessanti naraw kif ir-rizultat ħa jkollu jimpatt fuq il-mexxejja tal-partiti ewlenin li t-tnejn kienu ddikjaraw li ħa jivvutaw favur il-kaċċa fir-rebbiegħa anke jekk kien hemm deċiżjoni konxja li ma jkunx hemm kampanji fuq livell ta' partiti.
Jien fil-fehma tiegħi li noħroġ minn dan l-eżerċizzju huwa kemm bħal poplu jekk verament nemmnu f'xi kawża nistgħu nieħdu azzjoni. Illum il-ġurnata f'dan il-pajjiż għandna diversi strutturi li qed jgħinuna biex ninvolvu ruħna. Dan fih innifsu huwa ta' ġid enormi, jiġifieri l-proċess li bih wasalna biex għandna referendum - li kien proċess ta' involviment taċ-ċittadini. Dan il-pajjiż li fost kollox jidher biċ-ċar li dak li jdejqu fil-politika huwa t-titubaġni u d-daqqiet ta' sieq minn taħt il-mejda u mhux li jiddiskuti u jittratta xi tema jew oħra.
Matthew Agius – President MZPN
Il-vot dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa hu wieħed storiku. Dan se jkun l-ewwel referendum abroggativ f'pajjiżna, u fl-istess ħin se jkun l-ewwel darba li l-poplu Malti u Għawdxi mexxa hu l-kampanji ta' informazzjoni għall-pubbliku.
Jiġri x'jiġri, ninsab kburi li bħala MZPN, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, iffukajna fuq li nħeġġu n-nies jipparteċipaw bil-vot tagħhom irrispettivament għall-mod kif se jivvota, għaliex minkejja li lkoll bl-opinjoni tagħna, dan hu referendum imsejjaħ mill-poplu u kienet esperjenza pożittiva li kien il-poplu li kkampanja kemm jekk favur u kemm jekk kontra. Iffukajna wkoll fuq il-kampanja tal-kunsilli lokali. Ħdimna biex ġbidna ż-żgħażagħ iktar viċin tagħna, u nħossu li għamilna differenza pożittiva bil-preżenza tagħna.
F'dan l-istadju nistenna li jkun xi jkun ir-riżultat, għandu jkun irrispettat u eżegwit minnufih, kemm mill-awtoritajiet u l-politiċi, kif ukoll miż-żewg naħat tal-kampanja u l-poplu.
Dan ir-referendum kien ukoll opportunità mitlufa għall-Gvern biex juri li jemmen fil-Vot 16 għaliex ingħata l-vot għall-kunsilli lokali u għar-referendum le - xi ħaġa li r-raġuni għaliha, jafha hu biss. Nittama li din tkun ta' lezzjoni u jinfetħu bil-fatti l-orizzonti għal parteċipazzjoni ċivika għaż-żgħażagħ ta' 16 u 17-il sena, u mhux bil-kliem biss.