Rebħa għall-IVA - L-ewwel reazzjonijiet

Ir-riżultat ta' dan ir-referendum ifisser li nhar it-Tlieta jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa 

Hekk kif kollox jindika li hija rebħa għall-kamp tal-IVA, fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti jibdew ħerġin l-ewwel kummenti. Il-kelliema min-naħa tal-IVA talbu biex tinżamm il-kalma minkejja r-rebħa li kollox jidher li hi favurihom. 

Min-naħa l-oħra mill-kamp tal-LE, kelliema għal SHout għarfu r-riżultat ta' dan ir-refendum, fejn irringrazzjaw lil kulmin ivvota LE, filwaqt li saħqu li "aħna magħna kellna lin-nies. Ma kellniex iż-żewġ mexxejja magħna." Barra minn hekk ikkonfermaw li x-xogħol bħala ambjentalisti "mhux ħa jieqaf hawn. Tal-anqas urejna li dal pajjiż għandu bżonn kuxjenza ambjentali vis-a-vis il-kaċċa"

Intant il-Prim Ministru f’messaġġ li ta wara l-indikazzjonijiet li rebaħ il-kamp tal-IVA talab għall-kalma u saħaq li mhux ħa jkun hemm l-ebda tolleranza għall-ksur ta’ liġijiet. Fakkar li “il-Maltin u l-Għawdxin taw l-aħħar ċans lill-kaċċaturi onesti u ġenwini. irridu nifhmu li l-istorja inbiddlet totalment. Inbiddlet għax għandek nofs il-poplu li kieku kien għalihom il-kaċċa spiċċat fir-rebbiegħa. Meta jkun hemm kaċċa llegali l-kaċċaturi onesti jridu fuq quddiem nett biex jirrapurtaw - il-maġġoranza qed tagħtihom ċans ieħor, imma dan hu l-aħħar ċans.”

Muscat fiehem kif dan ir-riżultat huwa wieħed “qawwi pro-ambjentali. Jien u l-Kap tal-Oppożizzjoni għidna li ħa nivvutaw iva. U għandek nofs in-nies li jgħidu li huma kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan hu messaġġ li jien bħala Prim Ministru ma nistax ninjora. Hu kruċjali li nifhmu l-kuxjenza ambjentlai li qed tqum fil-pajjiż.”

Hekk kif diġa qed jiġu rrapurtati ċelebrazzjonijiet fit-toroq Maltin u Għawdxin, il-PM talab biex ikun hemm maturita. “Illum m’hemmx lok ta’ ċelebrazzjonijiet. Wasalna għall-maturita li kollox kien organizzat ħafna. Min jitkessaħ illum ma jistenniex impunita - ħa jittieħdu l-passi kollha meħtieġa.”

Min-naħa tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil iddikjara li l-partit jagħraf d-deċiżjoni ta' dan ir-referendum, u li "Il-votanti esprimew r-rieda tagħhom illi d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’. Il-Partit Nazzjonalista jagħmila ċara li qed jirrispetta bla ebda riservi d-deċiżjoni tal-poplu Malti. Issa huwa dmir ta’ kulħadd, b’mod partikolari tal-Gvern, li jara li din ir-rieda titwettaq. Il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-maturità murija miż-żewġ naħat tul il-kampanja referendarja tibqa’ tintwera anke issa li ħareġ ir-riżultat." 

Aktar tard mal-jum mistennija jiġu indirizzati konferenzi stampi dwar ir-riżultat ta' dan ir-referendum. 

More in Politika