Dan ċans ieħor għall-kaċċaturi li jsegwu l-liġi - JM
B'reazzjoni għar-rebħa tal-IVA, il-PM jgħid li dan messaġġ ċar biex jiżdied id-djalogar fil-qasam ambjentali
More in Politika
B'reazzjoni għar-rebħa tal-IVA, il-PM jgħid li dan messaġġ ċar biex jiżdied id-djalogar fil-qasam ambjentali
“Nemmen li dan kien riżultat ta’ maġġoranza ċara, fejn għandek maġġoranza li qed tibgħat messaġġ lill-gvern li trid il-kaċċa imma b’mod regolat. Imma hemm ukoll numru mdaqqas li semma leħnu, minkejja li kemm il-Prim Ministru kif ukoll l-kap tal-oppożizzjoni għidna li ħa nivvutaw Iva. Huma qed jgħidu li jridu li l-aġenda ambjentali titla ‘l fuq. Huwa messaġġ ċar li rridu nieħdu in konsiderazzjoni u naraw li nibqgħu ntejbu mhux biss id-djalogu imma wkoll il-governanza tal-qasam ambjentali.” Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza stampa b’reazzjoni għar-riżultat inuffiċjali tar-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegħa - liema riżultat juri l-IVA bħala rebbieħa.
Muscat tenna dak li qal aktar kmieni fejn qal li dan ir-riżultat huwa “ċans ieħor għal dawk il-kaċċaturi li jsegwu l-liġi u aktarx tal-aħħar. Il-kaċċaturi jridu jifhmu, anke l-familji tagħhom, li s-sitwazzjoni inbiddlet totalment. L-affarijiet inbiddlu.” Dan filwaqt li talab lill-kaċċaturi juru responsabilita billi jaħdmu id f’id mal-awtoritajiet biex jiġu rrapurtati illegalitajiet fil-kaċċa.
“Mhu ħa jkun hemm l-ebda tolleranza għall-qżies. Min jikser il-liġi ħa jkollu jaffaċċja l-konsegwenzi kollha, mhu ħa jsib l-ebda kenn.” Muscat fakkar ukoll li l-gvern tiegħu kien għalaq l-istaġun tal-kaċċa, fejn tenna li “lest li nerġa’ nagħmel l-istess jekk ikun hemm ksur.”
Ir-riżultat tal-lum juri wkoll, mhux biss x’opinjoni għandhom in-nies dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, imma wkoll li “is-soċjeta ċivili qed tieħu ħajja awtonima mill-politiċi” hekk kif minkejja li ż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar iddikjaraw li ħa jivvutaw iva, kien hemm madwar 49% li vvutaw LE. Dan hu messaġġ li jġib konsegwenzi maż-żewġ naħat - hekk kif il-kamp tal-le “jrid jifhem li hawn maġġoranza ta’ min irid regolazzjoni u mhux abolizzjoni” u l-kamp tal-iva jrid jifhem li dan ir-riżultat iġib risponsabilita kbira hekk kif “l-liġijiet huma iebsa, u jekk hemm bżonn ħa jsiru aktar ħorox jekk jekk naraw li mhux effettivi biżżejjed.”
Muscat saħaq fuq l-importanza tad-djalogar fuq dawn it-tip ta’ kwistjonijiet, ħaġa li jittama li jsir fil-futur.
Temm billi fakkar li nhar is-Sibt 18 ta’ Frar jingħaddu l-voti tal-Kunsilli Lokali, liema deċiżjoni ttieħdet mill-Kummissjoni Elettorali minħabba raġunijiet loġistiċi.