Kathleen Grima, kelliema ewlenija tal-kampanja tal-IVA fir-referendum dwar il-kaċċa, appellat lill-Parlament sabiex ikun hemm diskussjoni ħalli tiġi emendata l-liġi dwar ir-referenda abrogattivi. Dan sabiex jiġu ssalvagwardjati l-minoritajiet.
"Diġà jeżistu affarijiet li jipprovdu bażi legali sabiex ir-referenda abrogattivi jkunu jistgħu jiġu mressqa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali," qalet Grima lill-gazzetta MaltaToday. "Nixtieq nara li dawn l-affarijiet li jissalvaggwardjaw, jiġu estiżi sabiex ir-referenda abrogattivi jkunu jistgħu jittellgħu quddiem il-Qorti fuq bażi ta' drittijiet ta' minoranza. Nemmen fid-dritt tal-maġġoranza, però bir-rispett lejn il-minoranza. Il-maġġoranza m'għandhiex tabbuża l-minoranza."
Żiedet tgħid li riforma fil-liġi tar-referendum tagħti 'nifs ġdid' lill-104,293 firma li l-FKNK kienet ġabret is-sena l-oħra sabiex il-Parlament jindirizza l-liġi tar-referendum u tiġi aġġornata sabiex ma jkunx permess li "jiġu wżati b'mod vendikattiv u biex jiġu attakkati d-drittijiet tal-minoranza."