'Inħasset l-influwenza politika fuq dan ir-referendum' - Karl Wright

Għamel differenza l-fatt li l-kapiijiet tal-partiti politiċi qalu x'jaħsbu fuq dan ir-referendum

Karl Wright, il-kap tal-RTK sostna li l-vot tal-IVA f’dan ir-referendum kellu influwenza politika. Kompla jsemmi kif f’ċerti każi, kien hemm min ma kienx jaf kif ħa jivvota imma għax ‘il-leader’ qal mod, għamlu bħalu. Minħabba f’hekk Wright sostna li l-kapijiet politiċi ma kellhomx jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar dan ir-referendum.

Waqt il-programm Reporter li kien qed jiddiskuti r-riżultat tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, Wright semma wkoll li f’każin Laburista kien hemm imwaħħlin karti tal-vot bil-marki tal-IVA li tkompli turi l-infuwenza politika fuq id-deċiżjoni dwar ir-referendum.

Dan kompla sostnieh il-kelliem tax-Shout, Mark Sultana fejn semma li l-ammont ta’ nies li kienu indeċiżi kif ħa jivvutaw, possibilment ġew influwenzati mill-mexxejja politiċi.

Minkejja dan, meta kien qed jitellem dwar is-sondaġġi, partikolarment dawk li saru mill-ġurnal MaltaToday, James Debono spjega kif is-sondaġġi marru ħażin possibilment minħabba l-fatt li t-turnout fid-distretti li jissimpatizzaw iktar mal-IVA kien akbar minn dak li kien hemm fid-distretti favur il-LE. “It-turnout fid-distretti li vvutaw favur il-kaċċa fir-rebboegħa, kien madwar 10% iktar minn dawk li vvutaw kontra,” kompla jgħid Debono.

Joseph Muscat ġie deskritt li irnexxielu jidher bħala iktar konxju u sensittiv lejn dawk il-votanti li vvutaw le, għall-kuntrarju ta’ kif deher Simon Busuttil. Dan minħabba li Joseph Muscat kien sod fi kliemu meta hedded li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa kif diġà għamel qabel jekk jkun hemm l-illegalitajiet.

Mark Sultana min-naħa tiegħu qal li fejn għandhom x’jaqsmu l-illegalitajiet, “dak li naraw fil-media huwa biss ‘the tip of the iceberg’.” Dan waqt li sostna li hu mhux konvint li l-kaċċaturi se jibdew jirrappurtaw l-illegalitajiet. Dan filwaqt li Karl Wright semma u appella kemm-il darba lill-kaċċaturi biex ma jibżgħux jirrappurtaw l-illegalitajiet.

Waqt il-programm kien hemm intervent rekordjat tal-kelliem tax-Shout, Saviour Balzan li qal li l-kaċċa għandha data ta’ skadenza u se tieqaf xi darba. Fl-istess waqt semma kif il-poplu, iktar ma jmur qed isir iktar konxju tal-ambjent ta’ madwau u dwar l-istess punt, James Debono semma kif issa jeħtieġ li jkun hemm żbilanċ favur l-ambjent biex jitpatta ta’ kemm ħsara saritlu fl-aħħar snin.

Mar Sultana temm jgħid li fejn qabel il-fundaturi tal-BirdLife, li kienu ftit, kważi kważi kienu jiddieħqu bihom, issa għandhom is-sostenn ta’ kważi nofs il-poplu f’din il-kwistjoni ambjentali.

More in Politika