Ħtieġa ta' korp tal-Pulizija mmotivat – Carmelo Abela

Se jiżdiedu r-rondi u tissaħħaħ is-sigurtà fil-lokalitajiet

Jibda l-proċess sabiex tibda titfassal strateġija ġdida għall-Korp tal-Pulizija.  Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt waħda mill-laqgħat ta’ konsultazzjoni li qed isiru mal-membri tal-korp kemm dawk tad-distretti kif ukoll tal-iskwadri. Din l-istrateġija li mistennija li tkun ppublikata lejn l-aħħar ta’ din is-sena se tkun iffukata fuq tliet oqsma prinċipali: it-taħriġ, ir-rijorganizazzjonji amministrattiva interna u l-immodernizzar tal-korp tal-Pulizija. 

"Il-viżjoni tagħna hi li jkollna korp aktar qrib in-nies, professjonali u akkontabbli" qal il-Ministru Abela filwaqt li tkellem fuq it-temi li huma mistennija li jiġu indirizzati fil-qafas ta' din l-istrateġija. Dawn jinkludu l-ħtieġa ta' korp immotivat li jgawdi r-rispett u l-fiduċja tas-soċjetà u l-ħtieġa ta' aktar investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-pulizija. Se jkun qed jiġi indirizzat ukoll it-tisħiħ tal-preżenza tal-membri tal-korp fil-kommunità biex b'hekk ikomplu jiżdiedu r-rondi u tissaħħaħ is-sigurtà fil-lokalitajiet. Huwa semma’ li din l-istrateġija se tkun qed tindirizza wkoll ir-rinnovazzjoni tal-għasses. Għaldaqstant, filwaqt li l-ħsieb hu li jiġi offrut ambjent aktar dinjituż lill-membri li jaħdmu fihom u l-pubbliku li jżurhom, tibda tiġi  indirizzata l-problema ta’ aċċessibilità preżenti fl-għasses inkluż lejn il-persuni b'diżabilità.

Il-qafas ta’ din l-istrateġija ser jagħti wkoll attenzjoni lejn ir-realtajiet u d-diffikultajiet li ta’ kuljum jiltaqgħu magħhom il-membri tal-korp kemm mill-aspett operattiv, tattiku, loġistiku, teknoloġiku u amministrattiv. B' hekk, jiġi assigurat li l-korp jibqa’ jissaħħaħ biex jilqa’ għall-isfidi preżenti u jiġi mħejji u ppreparat għal sfidi futuri.

"Ir-rispett tal-pubbliku rridu naħdmu għalih ħalli nakkwistawh. L-għan tagħna hu li jkollna korp li joffri servizz aħjar lill-kommunità, u korp li jinvesti fl-aqwa riżors tiegħu, ir-riżors uman. Apparti li nagħrrfu l-pożittiv eżistenti, għandna nkunu kritiċi tagħna nfusna, immorru lil hinn miż-żona ta’ komfort u ma nibżgħux mill-bidla li se tagħti għodda essenzjali, biex il-pulizija jaħdem aħjar", qal il-Ministru Abela.

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, fl-għassa taż-Żejtun, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali rringrazzja l-pulizija għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom u semma’ kif minn dawn il-laqgħat konsultattivi diġà qed joħroġ biċ-ċar l-enerġija u l-ottimiżmu tagħhom biex b'ħeġġa jkomplu jitħarrġu f'ħiliet diversi u joffru l-aħjar servizz possibli. 

 

 

More in Politika