Ikomplu l-battibekki bejn tal-IVA u tal-LE fuq Xarabank
Jirritorna fuq quddiem tal-kaċċaturi Perici Calascione...Balzan jgħid li nitilfet il-battalja iżda mhux il-gwerra
minn John Busuttil
Joe Perici Calascione f'isem l-FKNK reġa tfaċċa fuq il-midja wara li tul il-kampanja kollha tar-referendum fuq quddiem tal-kaċċaturi kien hemm l-avukat Kathleen Saliba. Bħal eżatt fil-bidu tal-kampanja kien qed jiffaċċja lil Saviour Balzan fli studios ta' Xarabank. Bil-qiegħda daċċata tagħhom kien hemm Moira Delia u Mark Sultana f'isem il-kampanja LE filwaqt li fuq in-naħa tal-IVA l-avukat Kathleen Grima ħadet post il-president tal-FKNK Lino Farrugia (li ħa siġġu lura mid-diskussjoni) u li fil-bidu tal-kampanja kien preżenti fid-dibattitu flimkien ma' Sylvana Zarb Darmanin.
Id-dibattitu kien speċi ta' kif kien fil-bidu tal-kampanja fejn tal-LE saħqu li dak li qalu matul il-kampanja seħħ għax f'jumejn mill-ftuħ tal-kaċċa tar-Rebbiegħa inqabdu żewġ kaċċaturi jisparaw fuq tajr protett. Mark Sultana staqsa wkoll lil Perici Calascione jekk hux vera li poġġew fuq quddiem erba' sportivi li kellhom kundanni fil-qorti ta' sparar illegali fil-passat fejn Perici Calascione qal li ma kellux għalfejn iwieġeb din il-mistoqsija għax hu mar fuq Xarabank biex jaraw kif se jkun hemm koperazzjoni bejn l-gaħqdiet ambjentali u l-kaċċaturi u mhux biex ikomplu jattakkaw lil xulxin dwar dak li ġara qishom għadhom għaddejjin bil-kampanja. L-avukat Grima qalet li dawn l-aħħar snin il-qtil illegali naqas b'70 fil-mija u hawn Mark Sultana qabel magħha.
Perici Calascione qal li l-kaċċaturi jinsabu kważi taħt assedju kontinwu mill-pulizija, armata u għaqdiet ambjentali fejn kellu tweġiba minn saviour Balzan li qallu li dan kollu tort tagħhom għax kienu jiksru l-liġi kontinwament.
Mistoqsija minn peppi Azzopardi lill-avukat Grima għaliex trid tneħħi l-att tar-referndum qalet li mhux trid tneħħiha iżda li jkun hemm safeguard li nies li jkunu fil-minoranza ma jkunux jistgħu jiġu attakkati sempliċiment b'vot. Qalet li fil-liġi għandha tiżdied li l-qorti kostituzzjonali li tiddeċiedi. Qalet li jista jkun hemm time frame biex jiġbor il-firem u mhux iġebbed biex jiġbor in-numru tal-firem li jkun hemm bżonn. Qalet li l-maġġoranza li tiggverna iżda l-maġġoranza trid tagħti rispett lil minoranza. Saviour Balzan weġibha li wara li rebħu battalja u mhux il-gwerra iridu jibdlu r-regoli bħal logħba football li jneħħu lasta waħda u r-referee u kulħadd jiskorja f'lasta waħda. Qal li tal-IVA rebħu 'with a little help from a friend' li jidher li kien qed jirreferi għal Joseph Muscat. Perici Calscione qal li huma ma rebħux iżda ma tilfux.
Meta mistoqsi jekk jistax ikun hemm referendum ieħor Balzan qal li huma qed iduru lill-politiċi u jgħidulhom li ivvutaw kontra l-kaċċa aktar milli vvutaw favur id-divorzju. Qal li hemm bżonn li l-politiċi jammettu li l-poplu hu favur l-ambjent u jrid jingħata prijorita. Sadattant Balzan qal ukoll li l-avukat Grima qed titkellem bħala politikant u ferħilha għal meta toħroġ kandidat ma' xi partit politiku. U baqa ma weġibx jekk jistax ikun hemm referendum ieħor ħlief li il-kamp tal-LE tilef il-battalja iżda mhux il-gwerra.
Perici Calascione qal li huma jixtiequ li l-birdlife Malta jaħdmu flimkien mal-kaċċaturi biex tiġi stabbilita kaċċa responsabbli. Mark Sultana qal li l-uniku nies li ma rrispettawx ir-riżultat kienu ż-żewġ kaċċaturi (wieħed membru tal-FKNK) li sparaw fuq għasafar protetti. Hu spiċċa jgħid li nħoloq moviment favur l-ambjent b'dan il-vot.
Fil-programm sar vox pop li minnu ħareġ bħal speċi ta' klassi soċjali bejn dawk li jivvutaw IVA u dawk li vvutaw LE għalkemm ħareġ ċar ukoll li ħafna kienu li beżgħu li jekk titneħħa l-kaċċa setgħu tneħħew bl-istess mod delizzji oħra bħal fil-każ tas-sajjieda. Moira Delia qalet li huma qajmu kuxjenza u se jħarsu 'l quddiem biex dawk li vvutaw LE biex ikomplu jikolaboraw mal-pulizija u se jibqgħu jirrapurtaw l-illegalitajiet.
Perici Calascione wieġeb li hi kampanja ta' gideb min-naħa tal-LE. Saviour Balzan temm bi kliem qawwi fuq il-politiċi li l-ebda wieħed minnhom ma kellu guts jgħid li vvota LE fejn qalilhom biex jisimgħu dak li qal il-poplu Malti dwar l-ambjent li jrid jitgawda minn kulħadd. Għamel appell ukoll bie xil-poplu jingħaqad ma' għaqdiet ambjentalisti ħalli l-poplu Malti jiġġieled favur l-ambjent.