L-Ispeaker Anġlu Farrugia jinsab Ruma biex jieħu sehem fil-laqgħa tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea li ser tinżamm ġewwa Montecitorio, Ruma, fl-20 u l-21 ta' April. Il-parteċipazzjoni tiegħu se tkun qed tinkludi diskors fis-sessjoni dwar “l-Ewropa bħala kontinent ta' drittijiet fundamentali” fejn huwa se jsostni li fid-dawl tat-traġedji li seħħew fil-Mediterran f'dawn l-aħħar ġranet, l-Ewropa għandu jkollha sehem akbar milli għandha llum.
In-numru ta' mwiet ta' persuni innoċenti u bla ħtija ma jistax jiġi ndirizzat bis-solidarjetà waħedha u l-Ewropa ma tistax tibqa' ċassa quddiem dan il-ġenoċidju organizzat mit-traffikanti ta' immigranti irregolari. L-Ewropa żgur għandha tbiddel il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran.