Rappreżentanti ta' min iħaddem qed jagħmlu pressjoni sabiex Vince Farrugia ma jibqax jokkupa l-kariga Ewropea li għandu bħalissa. Skont rapporti fil-ġurnal l-orizzont, jidher li huma diversi rappreżentanti ta' min iħaddem u employers stess li ma jridux li Vince Farrugia jkompli bil-kariga tiegħu u dan wara li reġa' nstab ħati mill-Qorti li ta xhieda falza u influwenza x-xhieda ta' oħrajn.
Vince Farrugia, li kien id-Direttur Ġenerali tal-GRTU, preżentement jokkupa l-kariga ta' membru fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, liema kariga kienet qalgħet kontroversja minħabba li hafna kienu sostnew li din l-istess kariga nagħtat bħala mossa politika, tant li assoċjazzjoni bħall-Assoċjazzjoni ta' min iħaddem, kienet ibbojkottjat l-MCESD.
Il-pressjoni biex jitneħħa mill-kariga Farrugia qed issir anke jekk din għad fadlilha biss ftit xhur sabiex tintemm. Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Qorti sabet lil Farrugia ħati ta' xhieda falza u li influewnza xhieda oħra, u dan minbarra każi oħra ta' libelli kontirh, jew li tilef. Minħabba f'hekk, qed jingħad li l-pożizzjoni ta' Farrugia mhix tenibbli u għandu jitneħħa mill-kariga 'qabel ikompli jimbarazzana iktar milli diġà imbarazzana,' jkompli jgħid ir-rapport ta' l-orizzont.