Nhar il-Ħamis li ġej, il-kapijiet ta' stat ħa jiltaqgħu fi Brussell għal laqgħa għolja straordinarja, wara l-aħħar traġedja fil-Mediterran li ħasad il-ħajja ta' 700 immigrant. Din il-laqgħa għolja ssejħet mill-Italja u minn Malta.
Il-President tal-Kunsill, Donald Tusk issa qed jistenna li l-bqija tal-istati membri tal-UE jippreżentaw soluzzjonijiet għal dak li jista' jsir b'mod immedjat. Intant, nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin u interni qablu fuq pjan ta' azzjoni b'10 punti prinċipali - inkluż sforz sistematiku sabiex id-dgħajjes li jużaw it-traffikanti tan-nies jiġu kkonfiskati u mkissra.
Joseph Muscat saħaq li hemm bżonn li l-UE trid tara li twaqqaf lil dawn it-traffikanti u d-dgħajjes li qed jużaw sabiex iġorru mijiet ta' nies, aktar milli jifilħu.
Huwa maħsubli l-operazzjoni ħa tiġi bbażata fuq l-Operation Atalanta li mill-2009 qabdet madwar 450 bastiment u ttrasferiet 154 pirati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn issirilhom il-prosekuzzjoni. Dan hekk kif din kienet operazzjoni mnedija mill-UE wara tħassib li kellha dwar il-piraterija u s-serq armat mis-Somalja li beda jsir fl-ibħra tal-Arn tal-Afrika u l-Oċean Indjan tal-Punent.
"Qed nitolbu l-barka politika tal-UE," qal Muscat, waqt li żied li din hija operazzjoni preventiva u mhux invażjoni.
Il-mexxej tal-PN SImon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tati l-appoġġ tagħha kollu lill-gvern, fejn żied jgħid li kull missjoni li tista' tissarraf fit-tmiem ta' dawn it-traġedji ħa tingħata l-appoġġ tal-PN.
"Nittamaw li tittieħet azzjoni konkreta mill-kunsill tal-UE. Kien hemm ħafna kliem imma ftit azzjoni," qal Busuttil. Kompla jgħid li l-MEPs Nazzjonalisti, b'mod partikolari Roberta Metsola, talbu b'mod kontinwu għall-operazzjonijiet navali li jkunu effettivi daqs il-Mare Nostrum kif ukoll operazzjoni bbażata fuq il-missjoni kontra il-piraterija fis-Somalja.