Trid titkompla l-ġlieda kontra l-kriminali li qed jittraffikaw l-immigranti

Malta qed tagħti il-100% tagħha f’dawn il-missjonijiet ta’ salvataġġ bir-riżorsi limitati tagħha

L-intervent tal-Prim Ministru fuq Rai1
L-intervent tal-Prim Ministru fuq Rai1

Dwar it-traġedji li kontinwament qed iseħħu fil-Mediterran, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel intervent fil-programm ta’ diskussjoni Taljan ‘Porta a Porta’ fuq Rai 1. Hemm, il-Prim Ministru tkellem dwar x’inhuma dawk is-soluzzjonijiet għal din il-problema. Semma kif hemm dawk is-soluzzjonijiet li jindirizzaw din il-problema b’mod immedjat u dawk li jtejbu s-sitwazzjoni fit-tul.

Fost is-soluzzjonijiet li semma Muscat għal soluzzjoni fit-tul, hemm bżonn li jkun hemm ħidma għall-iżvilupp fl-Afrika, u titjib fl-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi fost l-oħrajn. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li qed jittama li mid-diskussjonijiet li mistennijia jsiru għada l-Ħamis, joħorġu possibiltajiet ta’ soluzzjonijiet għall-medda qasira ta’ żmien. Semma u ta eżempju x’jiġri fil-kosta tas-Somalja biex ikun hemm prevenzoni ta’ attakki tal-pirati, fejn l-UE ma tistenniex li jiġu attakkati l-bastimenti biex tintervjeni imma hemm azzjoni preċiża ta’ x’għandu jsir.

Muscat qal ukoll kif kulħadd jaqbel li s-soluzzjoni mhix li tiġi attakkata l-Libja imma jeħtieġ li jkun hemm stabilizazzjoni ta’ Gvern fejn jiġu magħquda t-tribuijiet sabiex ikun hemm xi tip ta’ għaqda nazzjonali. Minkejja dan, sakemm iseħħ dan, jeħtieġ li jitwaqqfu l-kriminali li qed jorkestraw dawn il-vjaġġi qattiela li tagħhom qed jaqilgħu bejn miljun u 5 miljun ewro għal vjaġġ wieħed biss.

Semma wkoll kif bħala l-iżgħar pajjiż, Malta qed tagħti il-100% tagħha f’dawn il-missjonijiet ta’ salvataġġ bir-riżorsi limitati li għandi l-pajjiż u hu jinsab kburi li Malta qed ikollha dan is-sehem. Dan waqt li faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Italja li ddeskrivih bħala pajjiż li qed jagħmel ix-xogħol tal-Ewropa kollha. 

More in Politika