Skont il-Eurostat, l-inflazzjoni f’pajjiżna s-sena li għaddiet naqset għal 2.4%. Dan kien ifisser tnaqqis ta’ aktar min-nofs ikkumparat mar-rata ta’ 5.6% osservata fl-2023. Madwar l-Unjoni Ewropea t-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni kien minn 6.4% għal 2.6%.
B’hekk għar-raba’ sena konsekuttiva, pajjiżna kellu rata ta’ għoli tal-ħajja anqas mill-medja Ewropea. Fil-fatt fl-2021 l-inflazzjoni kienet 2.9% fl-UE u 0.7% biss f’Malta, mentri fl-2022 r-rata f’Malta kienet 6.1%, waqt li dik fl-Ewropa kienet 9.2%.
Ikkumparat ma’ qabel il-pandemija, fl-2024 il-prezzijiet f’Malta huma 16% ogħla milli kienu. B’kuntrast, madwar l-Unjoni Ewropea ż-żieda kienet ta’ 24%, jew darba u nofs iż-żieda f’pajjiżna. Barra Malta kien hemm erba’ pajjiżi oħra fejn il-prezzijiet żdiedu b’16% biss. Dawn kienu l-Finlandja, Ċipru, id-Danimarka u l-Greċja. B’kuntrast, fl-Ungerija, il-prezzijiet fl-aħħar ħames snin żdiedu b’52%, jew b’aktar minn tliet darbiet dak li ġara f’pajjiżna.
Fost l-akbar fattur wara t-tnaqqis fl-inflazzjoni f’pajjiżna matul l-2024 wieħed ma jistax ma jsemmix il-prezzijiet tal-ikel. Mentri fl-2023 kien hemm inflazzjoni ta’ 10.6% fil-prezz tal-ikel f’Malta, is-sena li għaddiet din naqset għal 4.7%. Raġunijiet ewlenin wara din id-deċellerazzjoni fiż-żieda fil-prezzijiet kienu t-tnaqqis fil-pressjoni tal-inflazzjoni ta’ oġġetti impurtati, kif ukoll l-impatt pożittiv tal-iskema Stabbiltà. F’Awwissu li għadda, studju tal-Bank Ċentrali kien indika li, bejn Frar u Ġunju, ir-roħs fil-prezz tal-oġġetti li kienu parti minn din l-iskema naqqas ir-rata ta’ inflazzjoni tal-prodotti tal-ikel bi 2%. Dan ifisser li minn tal-anqas terz fit-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel kien dovut direttament għall-iskema Stabbiltà.
Meta wieħed iqabbel il-prezzijiet ta’ issa ma’ dawk ta’ qabel il-pandemija, l-aktar differenza li tispikka mal-bqija tal-Ewropa huwa l-andament tal-prezz tal-enerġija u dawk tal-fuels. Malta hija l-uniku pajjiż fejn il-prezz tal-enerġija baqa’ stabbli u l-uniku fejn il-fuel illum jiswa anqas milli kien fl-2019. B’kuntrast, l-enerġija għoliet bi 52% mentri l-fuel żdied bi 23% madwar l-Unjoni. L-aktar konsumaturi li raw żidiet fl-aħħar snin fejn jidħol prezz tal-fuel kienu dawk fl-Ungerija, b’piż aktar ta’ 52%, mentri fejn tidħol enerġija l-agħar li marru kienu l-familji fl-Estonja, b’żieda ta’ 124%.
Ikkumparat ma’ Malta, il-piż ta’ familja Taljana fejn jidħol spiża fuq fuel żdied bi kważi 20%, mentri fejn jidħlu kontijiet tad-dawl familja Taljana marret għall-agħar b’56%.
Fejn jirrigwardja l-prezzijiet tal-ikel, dawn huma 34% aktar għoljin f’Malta ikkumparat mal-2019, mentri madwar l-Unjoni iż-żieda kienet l-istess.