Il-Prim Ministru ppropona lill-ispeaker li jlaqqa’ l-Parlament b’urġenza għada filgħodu.
Wara kull Kunsill Ewropew il-Prim Ministru jagħti rendikont lill-Parlament Malti permezz ta’ stqarrija ministerjali. Dan isir anke f’dan il-każ meta qed jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew b’urġenza, bħal fil-każ ta’ bħalissa dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Aktar kmieni....
B'reazzjoni għal dak li qed jiġri fil-Mediterran, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jitlob li l-Parlament ta' Malta jerġa' jitlaqqa' biex jiddiskuti l-kwistjoni tal-immigrazzjoni li reġgħet għolliet rasha f'dawn l-aħħar jiem. Bħalissa l-Parlament jinstab wieqaf għall-Għid.
Aktar kmieni....
Atmosfera ta' niket barra il-kamra mortwarja tal-Mater Dei, hekk kif illum ingħatat l-aħħar tislima lill-24 persuna li tilfu ħajjithom fi triqithom lejn l-Ewropa, nhar il-Ħadd 19 t'April. Din kienet l-akbar traġedja fuq il-baħar fil-Mediterran - fejn hu stmat li tilfu ħajjithom aktar minn 800 persuna - li l-katavru tagħhom għadu ma nstabx.
Attendew iċ-ċerimonja l-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-mexxej tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kif ukoll bosta ministri Maltin. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Interni Angelino Alfano u l-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos. Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-Isqof t'Għawdex Mario Grech u mill-Imam Mohammed El Sadi.
Preżenti għall-istess ċerimonja wieħed seta' jara numru kbir ta' immigranti, li fil-maġġoranza tagħhom ukoll waslu Malta fuq vjaġġ simili għal dak li spiċċa fi traġedja nhar il-Ħadd li għadda. Barra t-tinda li ntremat fuq il-helipad apposta, wieħed seta' jara baħar ta' fjuri li nġiebu mill-pubbliku. It-twiebet ingħataw numru kull wieħed minħabba li l-identità tal-immigranti mhix magħrufa.
L-immigranti ser jindifnu fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Skont il-UNHCR din it-traġedja kienet "l-aktar traġedja li tilfu ħajjithom nies fiha fil-Mediterran." Intant, aktar tard illum fi Brussell il-kapijiet tal-pajjiżi tal-UE ser jiltaqgħu f'laqgħa għolja ta' emerġenza biex jitfassal pjan konkret dwar dak li jista' jsir fuq livell ta' UE.