Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes, illum żar it-tliet esportaturi prinċipali tal-patata, u ra l-proċess ta’ grading li tassigura l-ogħla kwalità tal-prodott qabel ma din tiġi esportata lejn pajjiżi oħra.
Galdes irrimarka li s-suq tal-esportazzjoni sar aktar kompetittiv iżda l-bdiewa u l-esportaturi għarfu jsibu swieq oħra u b’diversi varjetajiet fosthom tat-tip alpha, derby u destiny.
Hu qal li b’hekk, il-patata Maltija mhux qed tiġi esportata biss lejn l-Olanda, iżda wkoll lejn swieq oħra ġodda bħall-Ġermanja, l-Iżvezja, Tenerife u Las Palmas fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari qal li malli tiddaħħal is-sistema ta’ Marka tal-Kwalità għall-prodotti agrikoli Maltin, il-patata se tkun minn tal-ewwel li tiggwadanja minnha.
L-istaġun tal-esportazzjoni ilu li beda minn Marzu u jibqa’ għaddej sa Mejju.