Cutajar jgħid li l-ħidma tiegħu fil-KOM waslet lejn tmiemha
Jgħid li mill-PN kien hemm min avżah li se joħorġu artikli dwaru
More in Politika
Jgħid li mill-PN kien hemm min avżah li se joħorġu artikli dwaru
“Il-ħidma tiegħi bħala uffiċċjal fil-Kumitat Olimpiku Malti - KOM waslet lejn tmiemha. Dan ovvjament se jsir bil-kalma fiż-żmien li ġej”
Mark Cutajar qal li l-isport f’pajjiżna għaddej minn mument eċitanti u fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jimbarka fuq proġetti ambizzjużi u għalhekk jixtieq li jħalli postu għal min għandu aktar ħin x’jagħti. Qal ukoll li ġimgħa saret l-elezzjoni kien diġa kiteb biex l-eżekuttiv il-ġdid, ikun min ikun jiddeċiedi dwar jekk għandux fiduċja fih, "u dan sar qabel ħareġ l-artiklu fuq il-midja tal-PN. Jien ili bil-ħsieb li nitlaq u mhux għax ikkritikawni li għandi kunflitt ta' interess."
Mark Cutajar ilu fil-KOM sa mill-2008 u sena wara, sar direttur tal-Isport, pożizzjoni li żamm sal-2012. Fl-2009 Malta kienet ġabet l-aqwa riżultat fil-Logħob tal-Mediterran u fl-2011 kisbet l-aqwa riżultat fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar barra l-pajjiż, bi 8 midalji tad-deheb. Peress li Mark Cutajar kien għalliem, ma setax iżomm dan l-irwol minħabba l-ħin u l-ispejjeż li kien qed jiswielu, u għalhekk fl-2012 tefa n-nomina għal Viċi President, liema kariga tiskadi fl-2016.
Mistoqsi dwar x-xogħol tiegħu fil-KMS, Cutajar qal li hu mhux impjegat tal-KMS, “Għandi xogħol ta’ konsulent tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq il-KMS u xogħli hu li nwassal lill-KMS lejn tliet objettivi importanti. Waħda li flimkien ma’ chairman u bord ta’ diretturi noħorġu lill-KMS mill-problemi finanzjarji li kellu, it-tieni li flimkien mas-segretarjat għall-Isport naslu biex issir il-famuża riforma fil-KMS u t-tielet biex terġa’ tinkiteb il-liġi tal-isport li ilha snin twal ma tiġi aġġornata.”
Mitlub jikkummenta jekk kienx hemm xi politika partiġġjana fil-kwistjoni tal-istorja li ħarġet fuqu, Cutajar qal “Onestament ma stajtx nifhem ir-raġuni għaliex ħareġ l-artiklu għalkemm biex inkun onest kont naf li se joħroġ l-artiklu għax xi ħadd kien avżani iżda ma kontx naf meta se jiġi pubblikat. Għandi rispett kbir lejn il-midja kollha inkluża dik nazzjonalista għax fil-ħajja tiegħi dejjem irrispettajt lil kulħadd anke lil dawk li ma jaqblux miegħi. Li naf biss hu li ħareġ tlett ijiem qabel l-elezzjonijiet tal-Eżekuttiv tal-KOM.”
Mark Cutajar kompla jgħid li r-rispett li għandu lejn il-midja kollha jista jixhdu ix-shadow spokesman tal-PN David Agius. “Għandi rispett kbir ukoll lejh u dejjem ħadt gost niddiskuti miegħu temi li jirrigwardjaw l-isport.”
Saħaq li jiddispjaċih ħafna jara dawn l-istejjer. “L-istejjer mhux jien biss rajthom iżda anke membri tal-familja tiegħi inkluż uliedi li issa għandhom disa’ snin u jafu jaqraw u jifhmu kollox.”