
Il-premju għall-aħjar Twitter imur għand...
Min imexxi d-dinja u min imexxiha fuq Twitter - ir-rebbieħa u t-telliefa fid-dinja vitwali

More in Politika
Min imexxi d-dinja u min imexxiha fuq Twitter - ir-rebbieħa u t-telliefa fid-dinja vitwali
Minn dikjarazzjonijiet u kondoljanzi għal ċajt bejn politiċi stess - Twitter illum il-ġurnata sar essenzjali għal min irid isir influwenti fuq livell internazzjonali. Ma tgħaddix ġurnata li ma narawx xi aħbar fejn il-politiċi u rjus kbar jiġu kkwotati (u anke kkritikati) fuq dak li esprimew f'140 karattru - il-limitu ta' kull tweet.
Ir-rapport Burston-Marstellar Twiplomacy tal-2015 ta ħarsa lejn il-mexxejja dinjija fuq Twitter - min hu l-aktar segwit, min l-aktar li hu influwenti u min, li kieku għadhom l-iskola fil-jum tal-premijiet kien jieħu dak għall-isforz li għamel biex jitjieb.
L-aktar mexxej dinji segwit huwa dak tal-Istati Uniti. @BarakObama jidher li mhux biss qed imexxi d-dinja, imma wkoll id-dinja ta' Twitter - hekk kif għandu madwar 60 miljun persuna jsegwuh. Obama kien wieħed mill-pijunieri ta' Twitter mill-mexxejja dinjija, hekk kif ħoloq il-profil tiegħu f'Marzu tal-2005 - liema profil iżda jidher li ftit jew wisq, bħalma qed jiġri fid-dinja mhux virtwali, qed jitlef ftit mill-popolarità tiegħu.
L-iżjed tweets influwenti jidher li ġejjin mill-Vatikan. Il-profili tiegħu l-aktar li jagħmlulhom retweet in-nies. Il-Papa Franġisku għandu profili differenti fuq Twitter - fejn it-tweets jiġu b'lingwi differenti. @Pontifex huwa l-aktar profil ta' mexxej popolari, wara dak ta' Obama. @Pontifex_es, il-profil Spanjol, għandu madwar 10,000 retweet għal kull tweet li jitfa' - li jħallu lill-Obama l-art hekk kif dan tal-aħħar iġaħġaħ 1,210 retweet għal kull tweet.
Fl-Ewropa imbagħad hemm il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron, li bi 3 miljun persuna ssegwi l-profil tiegħu @Number10gov huwa l-aktar mexxej Ewropew segwit.
Angela Merkel hija l-unika mexxejja tal-G7 li għażlet li tibqa' 'l bogħod minn Twitter - fejn jekk wieħed jixtieq isegwiha isib biss profil falz @Queen_Europe - parodija ta' Merkel b'56,000 segwaċi - inkluż il-kap tal-kabinett tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, Martin Selmayr.
Jidher ukoll li għalkemm hemm nuqqas ta' qbil dwar jekk irnexxilux itejjeb is-sitwazzjoni ta' pajjiżu jew le, il-PM Taljan Matteo Renzi għamel passi kbar fuq Twitter hekk kif @matteorenzi spara minn miljun segwaċi għal 1.8 miljun minn mindu nħatar PM fi Frar tal-2014. Issa sar it-tieni l-aktar mexxej tal-UE segwit.
Iżda huwa @NarendraModi, il-PM tal-Indja li jieħu l-premju għal dak li għamel l-aktar titjib hekk kif sa mill-ħatra tiegħu f'Mejju tal-2014 leħaq it-12-il miljun segwaċi - żieda ta' 7 miljun f'sena biss.